Sigurtà f’PV: Taħditiet dwar immaniġġjar konklużi dalwaqt

Philip Fenech, iċ-Ċermen tas-Settur tat-Turiżmu u d-Divertiment tal-GRTU, qal li jinsabu fl-istadji aħħarin tad-diskussjoni mal-Gvern sabiex ikun hemm programm ta’ mmaniġġjar ta’ żoni bħal Paceville, u dan fid-dawl tal-allegat qtil li seħħ ilbieraħ filgħodu.
Il-kunċett wara dawn it-taħditiet mal-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi, hu li dawn iċ-ċentri ta’ xi rħula, town centres kif sejħilhom Fenech, jibdew jiġu mmaniġġjati b’mod differenti minn inħawi oħra li m’għandhomx dak il-bżonn.
Fenech qal li dan ix-xogħol imsemmi se jkompli ma’ dak li jsir diġà mill-kunsilli lokali tal-inħawi li jkunu.
L-oqsma ta’ mmaniġġjar ivarjaw, u jkopru mill-infrastruttura tal-inħawi msemmija, sas-sigurtà.
Il-Ħadd filgħodu, Zach Meli ta’ 24 sena miet b’emorraġija wara li allegatament qala’ daqqa ta’ ponn f’rasu mingħand żagħżugħ Bulgaru ta’ 19-il sena.
Min-naħa tiegħu Fenech spjega li Paceville mhuwiex marbut biss mad-divertiment, u allura ladarba din l-inizjattiva tidħol fis-seħħ se tkun qed tindirizza anki l-bżonnijiet ta' setturi oħra, fuq bażi regolari ta’ kuljum.
Semma li l-ħtieġa għal dan il-pjan ilha tinħass, u l-aktar minħabba l-għadd dejjem jiżdied ta’ turisti li qed jiġu Malta, hekk kif fl-aħħar sena ġew 2 miljuni u 300,000 turist.
Fl-2015 twaqqfet fondazzjoni għal turiżmu sostenibbli u ta’ kwalità fiż-żoni turistiċi, u Fenech qal li l-Ministru Mizzi semma kemm-il darba dwar il-ħtieġa ta’ proġett bħal dan.
Dan is-suġġett kien diskuss waqt kumitati parlamentari li għalihom kien mistieden il-GRTU, u Fenech qal li l-proġett hu frott dawn it-taħditiet ma’ diversi partijiet ikkonċernati, fosthom il-Pulizija.