Sigur li tmur tgħum ġo pixxina? Il-WHO twieġeb

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) spjegat li huwa sigur li wieħed jagħmel użu minn gym, pixxini, spa, sauna u bajjiet fost oħrajn, l-importanti li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji skont il-linji gwida tal-pajjiż.

Il-WHO qalet li huwa importanti li wieħed isegwi dawn il-miżuri:

  • Ikun hemm numru stipulat ta’ nies li jistgħu jużaw il-pixxina fl-istess ħin. In-numru għandu josserva li jkun hemm id-distanza soċjali bejn kull persuna.
  • Li tintlibes il-maskra skont ir-regolamenti tal-pajjiż.
  • Li l-postijiet ta’ ħasil tal-idejn ikunu aċċessibbli speċjalment fit-toilets u l-kmamar fejn wieħed jista’ jbiddel.
  • Ix-xugamani jintużaw darba biss.
  • Għandu jkun hemm kontenitur fejn jitpoġġew ix-xugamani wara li jintużaw sabiex jinħaslu.
  • It-tazzi għandhom jintużaw darba biss.
  • Il-kontenituri fejn jintremew l-affarijiet għandu jkun mgħotti.
  • Postijiet fejn jintużaw spiss għandhom ikunu diżinfettati diversi drabi matul il-ġurnata.

Matul ix-xahar t’Awwissu f’Malta, il-linji gwida dwar il-pixxini pubbliċi baqgħu l-istess minkejja li kien hemm żieda fil-każijiet attivi.

Il-lukandi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li ma sabu l-ebda problemi biex jadattaw għal dawn il-linji gwida u lesti li jbiddlu l-operat tagħhom kif jirrikjedu l-awtoritajiet tas-saħħa.