Siġġu vojt fil-kungress ta’ PEN għal Daphne

Fl-84 kungress ta’ PEN international tħalla siġġu vojt bħala simbolu għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia li nqatlet b’karozza bomba fil-Bidnija ftit inqas minn sena ilu.

PEN international hija assoċjazzjoni internazzjonali ta’ kittieba li bdiet f’Londra fl-1921 sabiex tippromwovi l-ħbiberija u l-koperazzjoni bejn il-kittieba madwar id-dinja kollha. Illum il-ġurnata mal-100 pajjiż għandu ċentru rappreżentattiv għal din l-assoċjazzjoni.

Fuq Twitter, l-assoċjazzjoni ħabbret li ħalliet dan is-siġġu vojt simboliku, filwaqt li wriet is-sapport tagħha għal inkjesta pubblika fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista.

PEN International hija waħda mill-ħames NGOs li se bejn il-15 u s-17 t’Ottubru se jaħdmu flimkien billi jinvestigaw il-qtil tal-ġurnalista f’għeluq is-sena mill-assassinju tagħha u jwettqu stħarriġ fuq il-qagħda tal-libertà tal-kelma f’Malta. Fi tmiem it-tiftix tagħhom, għandhom jippubblikaw konklużjoni li tiġi ppreżentata f’konferenza stampa fis-17 t’Ottubru fid-9am.

L-għaqdiet l-oħra li huma parteċipi f’din l-inizjattiva huma Reporters Without Borders, the Committee to Protect Journalists, the European Centre for Press and Media Freedom u the International Press Institute.