Aġġornata (2): Kevin Cutajar approvat b’akklamazzjoni

Read in English.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li Kevin Cutajar ġie approvat b’akklamazzjoni sabiex jieħu s-siġġu vakat minn David Stellini fil-Parlament.

Bħalissa qed jerġa’ jiltaqa’ l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista sabiex jiddiskuti l-kwistjoni tal-co-option tas-siġġu tal-eks Membru Parlamentari David Stellini. Għall-ħabta tal-10.30am kien hemm il-qari tal-minuti.

Dan wara li Jean Pierre Debono, li oriġinarjament ingħażel mill-istess kumitat biex jokkupa dan is-siġġu, irtira n-nomina tiegħu wara li kien involut f’kontroversja dwar il-vot bejnu u bejn Kevin Cutajar.

Debono kien ċeda s-siġġu tiegħu fuq is-7 distrett wara li Delia kien ġie elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Is-Sibt li għadda l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista vvota dwar min għandu jieħu post David Stellini, wara li dan tal-aħħar irriżenja minn Membru Parlamentari. Stellini kkontesta għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew imma ma telax. Huwa rriżenja wara, biex b’hekk imur lura għax-xogħol li kellu fi Brussell.

Aqra: Siġġu Stellini: Il-Kumitat Eżekuttiv jerġa’ jiddiskuti s-Sibt

Fl-aħħar sigħat kompla jikber l-appoġġ għal Kevin Cutajar fost il-kandidati Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista li kkontestaw mingħajr suċċess fit-13-il Distrett. Dan sabiex Cutajar jiġi magħżul mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex jieħu post is-siġġu vakanti fil-Parlament.

Aqra: Jikber l-appoġġ għal Kevin Cutajar

“Għandna ħafna inqas siġġijiet fil-Parlament; bżonn deċiżjoni malajr” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li hemm bżonn li l-Kumitat Eżekuttiv jieħu deċiżjoni malajr dwar is-siġġu Parlamentari hekk kif il-Partit Nazzjonalista diġà għandu ħafna inqas siġġijiet.

Dan qalu quddiem id-Dar Ċentrali hu u jitkellem mal-ġurnalisti qabel ma bdiet il-laqgħa mistennija. Delia qal li l-ġimgħa l-oħra kien impossibbli li jiġi infurmat kulħadd jekk iridx jipparteċipa sabiex jieħu s-siġġu parlamentari. Hu qal ukoll li kien konxju li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Clyde Puli kien qed jikkuntattja persuni sabiex jara jekk dawn kienux interessati u kien qed jagħmel dan bl-approvazzjoni tiegħu.

Dwar l-appoġġ li qed jingħata lil Kevin Cutajar, Delia qal li ra li kien hemm min seta’ ħa l-opportunità li jieħu dak is-siġġu iżda ddeċieda li jagħti appoġġ lil xi ħadd ieħor. Sostna li hija xi ħaġa normali li ssir u ma jara xejn ħażin. Tenna li hija parti mill-proċess demokratiku fejn kulħadd huwa ħieles li jesprimi l-opinjoni tiegħu.

“Wara niddiskutu t-tibdiliet interni”

Hu u jwieġeb lill-ġurnalisti, Delia qal li l-parti li jmiss fuq l-aġenda hija r-ristrutturar tal-partit sabiex ikun hemm it-tisħiħ ta’ l-organi interni kollha tal-partit u jiġi assigurat li dawn jaħdmu b’iktar effiċjenza ħalli l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista jinfthiem aħjar, jittejjeb u jitwassal għand in-nies.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li l-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista se jiltaqa’ nhar it-Tnejn fil-preżenza tal-Kap tal-partit Adrian Delia.