Siġġijiet, imwejjed, kjosk u gradi investigati mill-MEPA f’San Blas

L-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar sostniet li investigat ix-xogħlijiet illegali f’San Blas, għal kuntrarju ta’ dak li qalu diversi NGOs.
Fi stqarrija l-MEPA kkonfermat li l-ilment li rċeviet fit-18 ta’ Ġunju minn membru tal-pubbliku ma kienx dwar grada tal-ħadid jew tinda, iżda dwar kjosk u siġġijiet u mwejjed f’sit ieħor f’San Blas.
Il-MEPA qalet ukoll li fil-25 ta’ Ġunju nfurmat lil min ressaq l-ilment li l-kjosk illegali kellu diġà avviż ta’ infurzar.
Dwar ix-xogħlijiet illegali f’parti oħra ta’ San Blas fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet,  nhar it-Tnejn li għadda, l-Awtorità investigat il-każ u ħarġet avviż ta’ infurzar biex is-sit jerġa’ jiġi lura fl-istat naturali tiegħu.
Il-MEPA appellat lill-pubbliku biex jekk ikollu xi ilmenti dwar perikli ambjentali għandu jċempel fuq 9926 9926.