Sigaretti tal-kuntrabandu jinbiegħu f’dar tal-anzjani

Uffiċjali tad-Dwana sabu li sigaretti tal-kuntrabandu kienu qed jinbiegħu f’dar tal-anzjani f’Sa Maison, minn tagħrif li waslilhom mill-pubbliku.
Is-sejba saret dalgħodu fil-5.30am, wara li l-Uffiċjali tad-Dwana rċevew rapporti li r-residenti anzjani kienu qieghdin jiġu offruti sigaretti tal-kuntrabandu mill-membri tal-ġestjoni tad-dar.
Fl-uffiċċju tad-dar instabu 2,820 sigarett li ma tħallsitx it-taxxa tas-sisa fuqhom, fosthom 2,680 sigarett tal-marka Richman u 40 sigarett ieħor tal-marka Business Royals.
Waqt tfittxija oħra li saret ilbieraħ filgħaxija, instabu 1,200 sigarett ieħor tal-kuntrabandu tal-marka Business Royals’ King Size f’maħżen ta’ ħanut tax-xorb fiċ-ċentru tal-Ħamrun.
Fi stqarrija, id-Dipartiment tad-Dwana appella lill-pubbliku biex jinfurmah dwar bejgħ ta’ prodotti tal-kuntrabandu billi jċempel b’mod anonimu fuq 2568 5124 jew 2568 5200.
Fakkar ukoll li l-kuntrabandu huwa reat kriminali serju li, f’każ ta’ ħtija quddiem il-Qorti, jista’ jġorr miegħu penali fiskali ħorox.