Sigaretti, basktijiet u fuel ikkonfiskati mid-Dwana

Il-kampanja ta’ infurzar mid-Dipartiment tad-Dwana daħlet fit-tielet xahar tagħha u matul l-aħħar ġimgħat saru 72 spezzjoni fil-ħwienet madwar Malta.
F’dan il-perjodu nqabdu:

  • 16,400 sigarett u 2.7 kilogrammi tabakk tal-kuntrabandu. 4,000 sigarett minnhom gew interċettati fl-ajruport qabel iddaħħlu fil-pajjiż, filwaqt li 2,600 oħra ġew elevati mill-Port Ħieles qabel iddaħlu fil-pajjiż. 7,200 sigarett inġabru minn diversi ħwienet.
  • 14,800 baskett tal-plastik li ma kinitx tħallset taxxa tas-sisa fuqhom.
  • 5,120 litru fuel mhux immarkat fiskalment.

Apparti minn hekk, mill-ispezzjonijiet fuq passiġġieri għal flus mhux dikjarati, id-Dipartiment tad-Dwana qabad bi €28,755 fi flus mhux dikjarati.
Matul dan il-perjodu saru 108 spezzjoni għal oġġetti kontrafatti foloz u elevati 3,534 oġġett.
 Id-Dipartiment tad-Dwana tfakkar li l-kuntrabandu huwa reat kriminali li f’każ ta’ ħtija iġorr miegħu penali fiskali, konfiska tal-mezz tal-ġarr, konfiska tal-mezz tal-ħażna u, saħansitra, anki ħabs.

Ritratt: Arkivji