Siġar għat-tqaċċit: Mhux tnejn imma 15 – il-Ministru jwaħħal fis-sigurtà

Read in English.

Bil-proġett infrastrutturali tas-Central Link, il-Gvern qal li se jkun qed iqaċċat 15-il siġra. Dan wara li fl-aħħar jiem sar magħruf li żewġ siġar fi Triq il-Wied f’Ħal Balzan se jitqaċċtu biex jagħmlu spazju biex titwessa t-triq.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għat-Trasport, il-Gvern qal li dan qed isir bħala miżura tas-sigurtà fit-toroq. Qal ukoll li se jkun qed iħawwel 300 siġra addizzjonali u qal li dan qed isir biex jiġu rdoppjati l-ammont ta’ siġar fiż-żona jiġifieri minn 300 għal 600.

Il-Ministeru tal-Ministru Ian Borg qal li mid-diskussjonijiet li għaddejin bejn esperti tekniċi, periti u rappreżentanti tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), id-Direttorat tal-Parks u aġenziji oħra, wasslu biex jinqatgħu anqas siġar minn dak previst oriġinarjament.

Il-15-il siġra huma tat-tip Pinus Helapensis.

Jitwaqqa’ ħajt antik

Intant, dalgħodu beda x-xogħol f’parti tat-triq fejn hemm ħajt antik.

Diversi residenti minn Ħal Balzan kitbu kontra dan il-proġett għax qalu li qed joqtol il-wirt kulturali u ambjentali li għandhom fl-inħawi.

Resident li tkellem ma’ Newsbook.com.mt kiteb dwar dan it-twaqqiegħ u qal li ma hemm l-ebda permess biex dan il-ħajt jitwaqqa’. Huwa ppubblika wkoll ritratt antik li fih juri xi Maltin fl-istess triq li issa se titwessa’.

Fil-filmat jidher it-twaqqiegħ ta’ dan il-ħajt bħala parti mill-proġett li skont Transport Malta se jwessa’ Triq il-Wied f’Ħal Balzan.