Siġar f’Ħal Balzan: Nippubblikaw il-pjanta tat-triq

Read in English.

Fil-pjanta tas-sit tal-parti ta’ Triq il-Wied f’Ħal Balzan fejn Transport Malta se tibda x-xogħlijiet għall-bini mill-ġdid tal-istess triq jidhru ż-żewġ siġar li se jitqaċċtu biex jagħmlu wisa’ għat-triq ġdida.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg ħabbar dan il-proġett f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien ma’ rappreżentanti mill-Kunsill Lokali. Dakinhar huwa qal li dan il-proġett se jiswa man-nofs miljun Ewro.

Jidher ukoll li mal-lejl tneħħew is-sinjali li tpoġġew mas-siġar mill-attivisti.

Il-Perit Simone Vella Lenicker, residenta oħra li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt qalet li kulma qiegħdin jagħmlu huwa li jippruvaw isalvaw dawn is-siġar. Staqsiet għalfejn qed ikun hawn din il-ħdura kollha għall-ambjent u għalfejn bħala residenti mhumiex qed jitħallew isemmgħu leħinhom.

Spjegat li l-Kunsill Lokali ddiskuta dan is-suġġett f’laqgħa li saret ilbieraħ fit-8.30am, f’ħin li l-parti l-kbira tar-residenti jkunu xogħol u għaldaqstant ma setgħux jattendu għaliha.

Il-Perit ikkumentat ukoll dwar il-pjan tas-sit li juri l-ippjanar eżistenti bil-blu u dak propost bl-aħmar. Ir-residenta qalet li fil-pjanta ma jidhrux zebra crossings, l-ebda dwal jew pavimentar ġdid u lanqas siġar. Spiċċat billi staqsiet jekk it-triq hix se tinbena abbażi ta’ dak li sejħet “sempliċi site plan”.

Ir-residenti ta’ Ħ’Attard li jagħmlu parti mill-‘Attard Residents Environmental Network’ qalu li huma wkoll urtati bil-mod kif qed jiġu mwieġba l-mistoqsijiet parlamentari. Appella lill-Gvern biex jiddiskuti mar-residenti, mas-sidien tal-ghelieqi, bdiewa li għandhom ghelieqi bi qbiela, sidien tal-irziezet u sidien ta’ stabbilimenti kummerċjali li ser jiġu affetwati minn dan il-progett bla dewmien.

Anki l-Kap tal-Partit Demokratiku kkumenta dwar dawn is-siġar u qal li huma importanti aktar mill-voti. Huwa spjega li s-siġar jiswew aktar milli ddum xi ftit minuti aktar fit-triq minħabba t-traffiku.

Save our trees. They are more precious than votes. They are worth more than a few extra minutes on the road. I use the…

Posted by Anthony Buttigieg on Tuesday, June 19, 2018

Intant, Newsbook.com.mt huwa infurmat li nhar is-Sibt bejn il-5pm u s-7pm ir-residenti se jingħaqdu ma’ attivisti li qed jippjanaw attività biswit dawn iż-żewġ siġar. Tista’ tara aktar dettalji dwar din l-attività hawnhekk.