Siġar f’Ħal Balzan: Il-Ministru jwieġeb iżda l-pjanti mistura

Grupp ta’ residenti ta’ Ħal Balzan jinsabu mħassbin li l-lokalità tagħhom se titlef aktar siġar fit-twettieq tal-proġett tat-triq proposta fil-Wied ta’ Ħal Balzan.

Fi stqarrija huma qalu li bagħtu jistaqsu lill-Ministru għat-Trasport Ian Borg biex jippubblika l-pjanti tal-proġett iżda qalu li f’risposta twila, il-Ministru żamm il-pjanti mistura filwaqt li spjega l-importanza tal-proġett.

Fi stqarrija, ir-residenti lmentaw dwar il-mod kif il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan kien sfurzat biex jiddeċiedi dwar il-proġett mingħajr ma ra l-pjanti tal-proġett proposti minn Transport Malta.

Huma jinsabu mħassbin li dan il-proġett se jżid aktar traffiku fil-lokalità u b’hekk se jiżdiedu d-dħaħen, l-istorbju u l-veloċità mill-karozzi.

Il-Ħamis li għadda, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li Triq il-Wied Ħal Balzan se tkun qed tinbena mill-ġdid.

Ir-residenti kkonsultaw ukoll mal-Professur Maria Attard, Direttur tal-Istitut għat-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli fl-Università ta’ Malta, li qalet: “Jekk din it-triq ser issir triq prinċipali, ser jiżdiedu l-ammont ta’ traffiku, il-veloċità, ir-riskji, il-ħsejjes u t-tniġġis. Il-ftit rqajja’ ta’ ħdura (is-siġar) f’din it-triq għandhom jintużaw sabiex inaqqsu l-impatti, u mhux jitneħħew!!”

Matthew Borg Cardona, wieħed mir-residenti ta’ Ħal Balzan, f’kumment lil

Newsbook.com.mt sostna li r-residenti huma mħassbin li t-triq mhux se taħseb għas-sigurtà tar-residenzi iżda se tinbidel f’bypass fejn il-karozzi jgħaddu b’veloċità għolja. Huwa żied jgħid li l-pjanijiet għandhom jaħsbu f’karreġġjati għal persuni mixjin fit-triq u għaċ-ċiklisti.