Siemens tgħid li talbet għat-tneħħija ta’ Fenech wara li ħareġ li hu s-sid ta’ 17 Black

Read in English.

Il-kumpanija Ġermaniża Siemens, li hija shareholder fil-konsorzju tal-ElectroGas, sostniet li talbet għat-tneħħija ta’ Yorgen Fenech mill-bord tad-diretturi wara li ħareġ li hu kien is-sid tal-kumpanija bbażata f’Dubaj bl-isem ta’ 17 Black.

Dan qalitu l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-kumpanija Clarissa Haller, f’risposta għal ittra li ntbagħtet mill-NGO Repubblika.

Hi qalet li wara reviżjonijiet interni u esterni, Siemens ma sabet l-ebda indikazzjoni ta’ xi ksur min-naħa ta’ Siemens, l-impjegati ta’ Siemens u ElectroGas Malta. Sostniet li malli rċeviet informazzjoni li tagħthom raġuni għaliex jemmnu li seta’ kien hemm xi ksur esternament minn Siemens, ħadu azzjoni immedjata u għadhom s’issa jieħdu azzjonijiet kif ikun hemm bżonn.

Hi rreferiet ukoll għal Yorgen Fenech, l-esk Kap Eżekuttiv tal-Grupp Tumas li qed jiġi akkużat b’involviment fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Caruana Galizia kienet qed tinvestiga l-ftehim tal-ElectroGas.

Qalet li Siemens talbet għat-tneħħija ta’ Fenech mill-bord tad-diretturi tal-ElectroGas malli ħarġet l-informazzjoni dwar 17 Black. Madanakollu, qalet li dan tħalla jibqa’ hemm sakemm kien arrestat b’rabta mal-qtil. Minn dak iż-żmien s’issa, il-Grupp Tumas apponta rappreżentant ġdid fuq il-bord.

Repubblika bagħtet ittra lill-president u Kap Eżekuttiv ta’ Siemens, Joe Käser, u talbitu biex pubblikament jiddikjara x’jaf dwar il-ħasil tal-flus u l-kickbacks involuti fil-ftehim tal-ElectroGas u ħeġġet lill-kumpanija biex tħassar il-ftehim li nkiseb b’mod korrott.

L-ittra ntbagħtet fid-dawl tar-rivelazzjonijiet li Siemens kienet se tibgħat delegazzjoni Malta, wara li l-Grupp Gasan iddikjara l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-konsorzju. Id-dikjarazzjoni ta’ Gasan kienet ġiet fid-dawl tal-arrest ta’ Keith Schembri u t-tliet sieħba tan-Nexia BT.

Käser iddeċieda li minflok iwieġeb hu b’mod dirett, it-tweġiba tintbagħat mill-kelliema għall-kumpanija.

“M’għandna l-ebda informazzjoni dwar ksur mill-ElectroGas”

Fit-tweġiba lil Repubblika, il-kumpanija sostniet li m’għandha l-ebda informazzjoni dwar xi ksur mill-grupp li qed imexxi l-konsorzju tal-ElectroGas. L-NGO ma tantx kienet impressjonata bir-risposta tal-kumpanija.

Il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina qal li kwalunkwe reviżjonijiet li għamlet il-kumpanija Ġermaniża ma kinux ċari biżżejjed, skont il-linji gwida għall-kondotta tan-negozju.

Hu żied jgħid li Fenech baqa’ s-sid ewlieni tan-New Energy Holding, waħda mill-kumpaniji li jiffurmaw parti mill-GEM Holdings, li huma msieħba fl-ElectroGas. Konsegwentament, Fenech baqa’ fi sħab ma’ Siemens minkejja l-akkużi ta’ qtil fil-konfront tiegħu.

Aquilina staqsa jekk ir-reviżjonijiet ta’ Siemens ipprovdewx spjegazzjonijiet sodisfaċenti dwar iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-ftehim dwar l-ElectroGas, inkluż il-konklużjoni rapida tat-termini ta’ referenza wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013.

Hu tkellem ukoll dwar l-irwol ta’ Nexia BT fl-akkwist tal-kuntratt tal-ElectroGas, partikolarment hekk kif il-kumpanija kellha rwol prinċipali fil-ftuħ ta’ kumpaniji fil-Panama għall-eks Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Il-president ta’ Repubblika talab ukoll għal spjegazzjonijiet dwar is-sapport bla preċedent mill-gvern, inkluż li pprovda sigurtà fejn jidħol l-iffinanzjar u l-permess li ma tħallasx it-taxxa fost oħrajn.

Sostniet li l-aħbar li 17 Black kienet se tgħaddi flus fil-kumpaniji ta’ Mizzi u Schembri fil-Panama jwasslu għal konklużjoni waħda raġjonevoli: “li Fenech kien qed iżomm parti mill-profitti tiegħu mill-ElectroGas biex ixaħħam uffiċjali fil-gvern. Aquilina qal li din hija xi ħaġa kompletament differenti minn dak li qed tgħid il-kumpanija Siemens.

“It-tweġiba hija waħda kompletament inkonsistenti mal-valuri tagħkom, u qed nissuspettaw li qed tiksru l-liġijiet kontra l-korruzzjoni f’pajjiżkom stess,” ikkonkluda Aquilina.