Siefer, sab il-karozza bla roti, waħlulu multa

info@newsbook.com.mt

Raġel li mar btala ħa s-sorpriża ta’ ħajtu meta sab il-karozza tiegħu bla roti meta wasal lura Malta. Meta resaq aktar fil-qrib sab li kien laqqat multa mingħand il-Pulizija wkoll talli ħalla l-karozza f’dak l-istat.

Ir-raġel, li xtaq jibqa’ anonimu, qal lil Newsbook.com.mt li l-każ seħħ fi Triq Alessandra f’Bormla. Qal li meta kien fuq il-btala xi persuni mhux magħrufa kisrulu l-ħġieġ tal-karozza u ħadulu r-roti. Qal li vvandalizzaw ukoll ħajt biex neħħew il-ġebel minnu biex jerfgħulu l-karozza fuqhom.

Ir-raġel qal li l-uffiċjal tal-Pulizija fl-għassa qallu li ma kienx xogħol il-Pulizija li jċemplulu meta sabulu l-karozza vandalizzata. Però qal li l-uffiċjal li mar biex jara l-karozza qallu li ċemplulu żgur. Madanakollu r-raġel qal lil Newsbook.com.mt li ma sabx missed calls fil-mobile. Ir-raġel insista li l-uffiċjali kollha kellmuh bil-pulit.

Kelliem għall-Pulizija qal lil Newsbook.com.mt li sar rapport dwar l-inċident u li l-każ qed jiġi investigat.

Kull min għandu informazzjoni dwar il-każ jista’ jagħmel kuntatt mal-Pulizija fuq in-numru 21224001.