Sidien ta’ negozji qed jispiċċaw bla liċenzja minħabba s-sistema tal-punti – GRTU

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji (GRTU) qalet li l-liġi ġdida tal-punti fis-sewqan qed taffettwa b’mod lis-sidien tan-negozji b’mod inġust, għax is-sidien qed ikollhom jirrispondu u jħallsu huma għal ksur tar-regolamenti tas-sewqan mill-impjegati tagħhom.
Iddeskriviet il-liġi bħala waħda mgħaġġla u li ma tinkorporax is-sitwazzjoni kollha.
Il-GRTU sostniet li fl-aħħar xahrejn iltaqgħet mal-awtoritajiet u l-ministeri relevanti, iżda skont l-unjin mhux qed jieħdu bis-serjetà din il-problema.
Fi stqarrija l-unjin qalet li s-sidien ta’ negozji li għandhom il-vetturi rreġistrati fuqhom qed jispiċċaw jitilfu l-liċenzja jew iħallsu multi minħabba kontravvenzjonijiet li jwettqu l-impjegati tagħhom, u dan ifisser li s-sidien qed ikollhom juru mal-awtoritajiet li mhumiex ħatja għal ksur ta’ liġijiet tat-traffiku li ma wettqux.
Il-GRTU żiedet tgħid li dan il-proċess huwa burokratiku ferm, u jinvolvi ħafna karti.
Kompliet tgħid li biex tkompli tgħaqqadha, ġieli vettura ma titwaqqafx minħabba l-kontravvenzjoni, iżda l-punti xorta jitnaqqsu lis-sidien tal-karozzi. Għall-GRTU dan imur kontra n-natura tal-liġi l-ġdida tal-punti, li titlob li l-punti jitnaqqsu lis-sewwieq, u mhux lis-sid tal-vettura.
Sostniet li l-ministeri responsabbli wegħduhom li l-punti jitnaqqsu mingħand is-sidien ta’ vetturi wieqfa, iżda skont l-unjin dan mhux minnu.
Temmet tgħid li għalkemm taqbel mal-prinċipji tas-sistema tal-punti, se tibqa’ tinsisti li jkun hemm tifsila adegwata tas-sistema li tipproteġi lil min iħaddem.
Qalet li fil-jiem li ġejjin se tiltaqa’ ma’ Transport Malta u uffiċjali tal-LESA.