Sidien ta’ negozji f’Lisbona mhumiex sodisfatti bil-curfew il-ġdid minħabba l-coronavirus

REUTERS/Rafael Marchante

Read in English.

Għexieren ta’ sidien ta’ negozji f’Lisbona nhar it-Tlieta esprimew id-disperazzjoni tagħhom hekk kif ġew implimentati restrizzjonijiet ġodda li jimponu l-għeluq ta’ stabbilimenti aktar kmieni kuljum madwar il-belt, minħabba mewġa ġdida ta’ każijiet ta’ coronavirus fil-periferija. 

Fatima Reis, mara ta’ 60 sena li hija sid ta’ ħanut tal-kafé spjegat kif m’għandhiex flus u tkellmet dwar il-problemi biex tlaħħaq mal-ispejjeż. “Irrid naħdem. Ma jistgħux iwaqqfuni minn xogħoli.” 

Imma bħall-ispazji kummerċjali kollha f’Lisbona, bl-eċċezzjoni ta’ ristoranti, issa se jkollha tagħlaq il-ħanut żgħir tagħha fiż-żona storika ta’ Graca fit-8:00 ta’ filgħaxija, minħabba li l-awtoritajiet qed jippruvaw inaqqsu n-numru ta’ każijiet fil-belt u madwarha.

Il-fatt li r-ristoranti jistgħu jibqgħu miftuħin aktar tard ma ntlaqax tajjeb minn negozji żgħar. Reis, li kellha tagħlaq il-ħanut tagħha għal xaharejn sħaħ matul il-lockdown, tixtieq li tista’ tibqa’ miftuħa sal-10:00 ta’ filgħaxija, biex tapprofitta minn klijenti li jkunu ġejjin lura d-dar wara x-xogħol jew mill-baħar.

L-awtoritajiet huma mħassba minħabba tifqigħat lokalizzati f’żoni aktar foqra u industrijali fil-periferija ta’ Lisbona, kif ukoll attivitajiet u raves mal-kosta, li żammew l-għadd ta’ każijiet f’livell inkwetanti mingħajr tnaqqis għal dan l-aħħar xahar. 

“Iż-żgħażagħ ma jistgħux jikkontrollaw ruħhom, iridu joħorġu u jkunu fi gruppi,” qal Jose Rocha Pereira ta’ 64 sena, li qed ikollu jagħlaq il-ħanut tal-ħobż tiegħu fit-8:00 ta’ filgħaxija wkoll. “Naħseb li sakemm dan għadu qed iseħħ, il-miżuri huma adegwati.”

“(Imma) dawn għandhom ikunu l-istess għal kulħadd,” kompla jgħid. 

Miżuri oħra ġew stabbiliti minn nhar it-Tlieta f’Lisbona, fosthom limitu ta’ mhux aktar minn 10 persuni li jistgħu jiltaqgħu f’ġemgħa, nofs il-limitu li japplika għall-bqija tal-pajjiż. Ix-xorb fi spazji pubbliċi barra fil-pjazez liċenzjati huwa pprojbit ukoll.