Sidien ta’ kumpaniji kbar lokali b’ittra ħarxa lill-PM

Coronavirus-Belt-covid19

Read in English.

Sidien ta’ kumpaniji kbar lokali tar-retail kitbu lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri fejn appellaw biex jittieħdu miżuri biex jissalvagwardjaw l-interessi tagħhom. Huma jgħidu li l-miżuri li tħabbru lbieraħ ma jgħinuhomx għaliex il-mudell tan-negozju tagħhom jirrikjedi li l-maġġoranza tal-ħaddiema jkunu fil-ħwienet man-nies.

Huma qalu li sal-bieraħ kienu qed jinnegozjaw b’inqas minn 15% anqas ta’ dak li soltu jbiegħu f’dan iż-żmien tas-sena. Qalu li b’din ir-rata u possibilment rati aktar baxxi fil-jiem li ġejjin se jkollhom effetti devastanti fuq in-negozju tagħhom. “Kollha kemm aħna għandna l-impjegati, ħażniet, kirjiet, sistemi tal-IT, kontijiet tad-dawl u l-ilma u ħwienet biex nimmaniġjaw matul dan il-perjodu delikat”, stqarru dawn il-kumpaniji.

Saħqu li apparti s-supermarkets u l-ispiżeriji, r-retail kollu qed ikollu effetti negattivi anke għaliex jiddependu wkoll mill-industrija tat-turiżmu u għalhekk ipproponew li jittieħdu għadd ta’ miżuri.

Fl-ittra huma qalu wkoll li minkejja li lockdown nazzjonali għadha ma daħlitx f’Malta, il-maġġoranza tal-Maltin xorta qed josservaw id-direzzjoni tal-awtoritajiet jiġifieri li jnaqqsu l-kuntatt soċjali.

It-talbiet imniżżla f’din l-ittra huma:

  • Konferma uffiċjali li l-posponiment tal-ħlas tat-taxxi japplikaw għas-settur tar-retail.
  • Konferma li d-dewmien fil-ħlasijiet mhux se jġib miegħu interessi jew penali.
  • Sospensjoni temporanja ta’ sitt xhur jew roħs fit-taxxa tal-VAT
  • Aġġustament temporanju fir-rati tat-taxxi tal-impjegati
  • Tibdil fil-liġi tax-xogħol biex tħalli lil min iħaddem inaqqas is-sigħat tal-impjegati għax-xhur li ġejjin.
  • L-introduzzjoni tal-“banking of hour” simili għal dik tal-industrija tal-ospitalità biex tgħin kumpaniji jirkupraw fix-xhur ta’ wara.
  • Għajnuna diretta fil-ħlasijiet tas-salarji ta’ April u Mejju bil-possibiltà li tiġi estiża għax-xhur ta’ wara.
  • Il-leave tal-kwarantina jrid iħallsu l-Gvern
  • Is-sospensjoni tal-ħlasijiet għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma għat-tliet xhur li ġejjin
  • Ħidma mal-banek biex iwaqqfu l-interessi tal-kreditu sa 1% jew inkella l-Gvern jissusidja parti minnha.
  • Sussidju għall-ħlas tal-kiri tal-ħwienet jew inċentivi għas-sidien tal-ħwienet biex jikru b’xejn jew roħs fil-kera għall-erba’ xhur li ġejjin.

Huma talbu biex il-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ekonomija jagħtuhom risposta dwar dak li pproponew u lesti jassisstu u jiddiskutu fejn ikun hemm bżonn.

L-ittra hija ffirmata minn dawn is-sidien u operaturi:

  • Kevin Grech – Hudson Holdings Ltd
  • Mario Camilleri – Big Bon Group
  • Simon Gatt Baldacchino – United Department Stores Ltd
  • Joseph Borg – Trilogy Ltd
  • Kenneth Mizzi – SAK Ltd
  • Simon Mizzi – Rubicon Ltd
  • Andrew Calascione – Supermarkets (1960) Ltd
  • Marlene Seychell – CKK Holdings
  • Nicky Camilleri – Arkadia Marketing Ltd
  • Emma Miller – Miller Group
  • Tonio Camilleri – Camilleri Group
  • Roberta Caruana Stivala – Thumbelina Ltd
  • Christine Pace – Dorkins Ltd
  • Lauro Abela – Franks Stores Co Ltd
  • Diane Izzo – Dizz Group
  • Jerome Grech – Superbrands Ltd
  • Romina Fenech – Sterling Group Ltd
  • Peter Borg – Bortex Group
  • Charles Mifsud – United Fashion Ltd

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn