Sid ta’ kumpanija tal-gaming akkużat b’ħasil tal-flus b’rabta mal-mafja

Anti-money laundering

Is-sid Taljan ta’ kumpanija tal-iGaming ibbażata f’Malta ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest meta tressaq il-qorti llum suspettat b’ħasil tal-flus b’rabta mal-mafja. Huwa ġie arrestat ilbieraħ b’mandat ta’ arrest Ewropew.

Arrestat raġel akkużat li qed jgħin organizzazzjoni mafjuża

It-Taljan ta’ 43 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, deher quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima llum.

Il-Prosekuzzjoni qalet fil-qorti li l-akkużat ġie arrestat f’daru fis-Swieqi lbieraħ, wara talba mis-sistema tal-informazzjoni tax-Schengen b’talba ta’ estradizzjoni u mandat ta’ arrest minn Qorti f’Reggio Calabria. Huwa mifhum li r-raġel hu mfittex mill-awtoritajiet Taljani minħabba akkużi ta’ ħasil ta’ flus b’rabta mal-mafja, permezz tal-kumpanija tiegħu.

L-Ispettur Mark Galea ppreżenta dokumenti tal-awtoritajiet Taljani lill-Qorti. Huwa talab li r-raġel jiġi estradit.

L-avukat tal-akkużat talab li ismu ma jixxandarx, peress li għalkemm huwa kunjom komuni fl-Italja, mhuwiex komuni f’Malta. Żied jgħid li l-kumpanija tiegħu għandha madwar 80 impjegat, allura jekk ismu jkun ippubblikat, dawn ikunu fil-periklu. Il-Qorti laqgħet din it-talba.

Id-Difiża talbet li r-raġel jinħeles, u argumentat li ilu joqgħod Malta 10 snin u għandu karta ta’ residenza f’Malta, barra mill-fatt li hu kkopera mal-pulizija. L-avukat qal ukoll li l-akkużat ilu jaf b’dan il-mandat minn Diċembru, u l-awtoritajiet Taljani jafu bih, u jafu li jħallas it-taxxa fl-Italja. L-avukat qal li kulma kien il-każ li t-Taljani riedu lill-akkużat iħallas taxxa korporattiva fl-Italja.

L-avukat argumenta mal-Prosekuzzjoni dwar il-ħelsien mill-arrest u qal li l-klijent tiegħu hu lest li jħallas biex ikollu uffiċjal tal-pulizija barra daru hu stess.

Madankollu, minkejja l-isforzi tal-avukat, il-Qorti rrifjutat li teħles lill-akkużat mill-arrest.