Aġġornata: “Sid Pilatus Bank b’kumpanija għall-housing f’Malta” – Aquilina

Id-deputat Karol Aquilina allega fil-Parlament li Ali Sadr kien se jidħol fl-industrija tal-kostruzzjoni f’Malta biex jibni l-akkomodazzjoni soċjali.
F’nofs dibattitu fil-Parlament fejn qed tiġi diskussa mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar rapport fil-Parlament Ewropew dwar ħasil ta’ flus, Aquilina qal li Ali Sadr ma kellux l-interess biss li jkollu l-Bank Pilatus f’Malta iżda fetaħ kumpanija bl-isem ta’ Malta International Construction Limited.
Fid-dawl ta’ dawn l-allegazzjonijiet, Aquilina staqsa dawn il-mistoqsijiet:

  1. X’kontijiet kellha l-kumpanija Malta International Construction Limited fil-bank Pilatus? Kellha kontijiet oħra ma’ banek oħrajn f’Malta?
  2. Xi flus għaddew mill-bank Pilatus f’isem din il-kumpanija?
  3. Din il-kumpanija intużat ukoll biex Ali Sadr għadda flus mill-proġett tal-Veneżwela lill-kumpaniji oħra tal-familja tiegħu bi ksur tal-liġi u s-sanzjonijiet Amerikani?
  4. L-MFSA u l-FIAU jafu li teżisti din il-kumpanija ta’ Ali Sadr irreġistrata f’Malta? X’azzjoni ħadu dwar din il-kumpanija?
  5. Il-Gvern Laburista kien qiegħed jipprova jiftiehem ma’ Ali Sadr dwar il-proġett ta’ €50 miljun għall-bini ta’ social housing li kien issemma l-ewwel darba f’Ottubru 2015 mill-Ministru Edward Scicluna fid-diskors tal-budget għas-sena 2016?

Sostna li dawn huma mistoqsijiet li xi ħadd f’pożizzjoni ta’ responsabbilità għandu jwieġeb għalihom.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Aquilina stqarr li l-Iranjan Ali Sadr stara passaport mingħand il-kumpanija Henley and Partners biex sar ċittadin ta’ St Kitts and Nevis.
Qal li Ali Sadr għandu kuntatti tajbin ħafna f’Malta kif deher fit-tieġ tiegħu meta stieden lill-Maltin fosthom lill-Prim Ministru Joseph Muscat u liċ-Chief of Staff tiegħu f’Firenze fl-Italja.
Spjega li Ali Sadr qed ikun akkużat li pparteċipa fi skema li fiha intużaw aktar minn $115 miljun f'pagamenti għal kumpless ta' akkomodazzjoni fil-Venezwela b'mod illegali permezz tas-sistema finanzjarja tal-Istati Uniti biex minnha gawdew individwi u entitajiet Iranjani. Aquilina saħaq li jekk jinstab ħati, il-Qrati Amerikani jistgħu iwaħħluh sa 125 sena ħabs.
Intant, fl-istess dibattitu, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia ċaħad li l-Gvern qatt tkellem ma kumpanija waħda biex tibni l-akkomodazzjoni soċjali. 

“L-Oppożizzjoni tirrikorri għal tattiċi ta’ gideb biex tattakka l-proġetti soċjali” – il-Gvern
Il-Gvern qal fi stqarrija li l-kelliem Nazzjonalista Karol Aquilina inħeba wara l-immunità parlamentari biex jivvinta li kumpanija partikolari twaqqfet apposta biex tiggwadanja minn tenders relatati ma’ xogħol ta’ akkomodazzjoni soċjali ġdid.
Il-Gvern qal li talab għall-informazzjoni lid-dipartimenti konċernati u rriżulta li l-kumpanija msemmija la applikat u wisq anqas rebħet tenders għal xogħol ta’ kostruzzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali.
Il-Gvern spjega li t-tenders huma sejħiet pubbliċi u dejjem segwew ir-regoli stabbiliti kollha.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes poġġa l-informazzjoni li turi dan quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti.
Il-PN jgħid li Galdes ma ċaħadx li Ali Sadr waqqaf kumpanija għall-kostruzzjoni 
Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ma ċaħadx l-istqarrija li għamel id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fil-Parlament li Ali Sadr waqqaf kumpanija tal-kostruzzjoni bl-iskop li jidħol fis-settur lokali.
Il-PN żied jgħid li dokument uffiċjali mir-reġistru tal-kumpaniji fl-MFSA jikkonferma kif f'Jannar tal-2014, Ali Sadr waqqaf kumpanija f'Malta bl-isem ta' Malta International Construction Company bil-għan li jidħol fil-bini ta' housing soċjali. 
Il-PN qal li minflok jiddefendi lil Ali Sadr, in-nies kienu qed jistennew li Galdes jispjega kif il-Gvern ma bena l-ebda post għall-akkomodazzjoni soċjali meta diġà jinsab fit-tieni leġiżlatura.

Id-dokumenti ppubblikati mill-Gvern: