Għawdex: Tlieta mill-ħallelin jintbagħtu 62 xahar ħabs bejniethom

Kommossjoni kbira, b'għajjat u biki barra l-awla tal-Qorti f'Għawdex hekk kif ingħatat is-sentenza lill-ħamest irġiel akkużati bl-attentat ta' serqa minn ħanut tal-madum fir-Rabat Għawdex fl-aħħar ta' Settembru li għadda. 
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri sabet ħames imputati ħatja tal-akkużi kollha miġjuba kontrihom.
Robert Agius ta' 42 sena minn San Ġwann u Daniel Vella ta' 25 sena min-Nadur, it-tnejn suldati tal-Forzi Armati ta' Malta ġew ikkundannati 13-il xahar priġunerija sospiżi għal tliet snin. 
Ronnie Mackay ta' 33 sena mill-Ħamrun, ukoll membru tal-Forzi Armati ta' Malta u Juanito Jimenez ta' 21 sena mill-Ħamrun, ġew ikkundannati 18-il xahar ħabs. Kurt Buttigieg ta' 32 sena mill-Ħamrun ingħata sentenza ta' 26 xahar ħabs. 
Fil-bidu tas-seduta, id-difiża talbet biex jixhed Raymond Caruana, sid il-Bubbles.  Il-proskeuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Arthur Mercieca u Bernard Spiteri, ma sabet l-ebda oġġezzjoni u l-Qorti laqgħet it-talba.
Fix-xhieda tiegħu Caruana qal li jaħfer lill-ħames akkużati u jistma li l-ħsara li saritlu fil-ħanut hija ta’ madwar €1,000.
Fit-2 ta' Ottubru li għadda, il-ħamest irġiel, fosthom tliet suldati tal-Forzi Armati ta' Malta wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. 
Il-każ seħħ fit-30 ta' Settembru, meta bejn it-8.15pm u t-8.30pm, Caruana daħal fix-showroom u l-ħallelin dehru ħerġin minn fuq il-post jgħattu wiċċhom b'idejhom. Dak il-ħin, il-ħallelin kienu qed jippruvaw ikissru s-sejf, minkejja li diġà kellhom xi flus ippreparati f'borża. Hekk kif inqabdu fil-fatt, tnejn mis-suldati ħarbu mill-ewwel lejn il-vapur, fejn ġew arrestati ftit wara li telgħu fuq il-vapur biex jinżlu Malta.