Sid il-Bank Pilatus jitressaq il-Qorti għada fl-Istati Uniti

Ali Sadr

Read in English.

Ali Sadr Hasheminejad, sid il-Bank Pilatus, se jitressaq il-Qorti għada biex jibdew proċeduri kriminali kontrih fid-Distrett t’Isfel fi New York, fejn huwa jinsab akkużat li kiser is-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran.

Sadr Hasheminejad ġie arrestat f’Marzu tal-2018 fl-ajruport f’Dulles. Huwa ġie akkużat b’ħasil tal-flus u li kiser is-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi għadda iżjed minn $115 miljun imħallsin taħt kuntratt tal-kostruzzjoni Venezwelan taħt is-sistema finanzjarja Amerikana.

In-negozjant, li kiseb passaport ta’ St Kitts u Nevis, ingħalaqlu l-bank tiegħu bbażat f’Malta, il-Bank Pilatus, mill-Bank Ċentrali Ewropew wara rakkomandazzjoni mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji.

Fil-lista tax-xhieda li se jixhdu kontrih fi New York hemm Christian Kalin, iċ-Chairman u l-fundatur ta’ Henley & Partners, l-eks Kap Eżekuttiv tal-Bank Pilatus Hamidreza Ghanbari, l-eks Direttur tal-Bank Pilatus Mustafa Cetinel, li kellu wkoll sehem ta’ 4% fi Stratus International Contracting, skont ir-rekords pubbliċi Torok.

L-akkuża kontra Hasheminejad hija li l-Korporazzjoni tal-Akkomodazzjoni Internazzjonali tal-Iran li kienet ikkontrollata minn Hasheminejad u l-familja tiegħu għamlet kuntratt ma’ kumpanija tal-Gvern Venezwelan biex tibni 7,000 binja ta’ akkomodazzjoni għal madwar $476 miljun. Il-kumpanija ħallset lill-Korporazzjoni permezz ta’ trasferimenti f’dollari mill-kontijiet bankarji barranin tagħha lil kontijiet bankarji Żvizzeri li huma ta’ Clarity u Stratus Turkey, kumpaniji tal-familja ta’ Sadr.

Bejn l-2011 u l-2013 tħallsu pagamenti ta’ xi $115 miljun.