“Sibtu bid-demm iċarċar ma’ wiċċu; kont nitimgħu kuljum”

Raġel spjega li l-kelb abbandunat li kien jitma’ ta’ kuljum tfaċċa b’ħafna demm iċarċar ma’ wiċċu. Dan qalu f’post fuq il-grupp RUBS Puppy Love, li għal xi raġuni jidher li tħassret ftit tal-ħin wara.

Fuq il-post ir-raġel spjega li l-kelb kien imur ħdejn l-għalqa tiegħu kuljum u hemm kien itih x’jiekol. Wara li jiekol il-kelb kien jitlaq mill-post. Spjega li x’ħin il-kelb mar għall-ikel dalgħodu sabu fi stat ikrah. Hu staqsa x’jiġri jekk f’każ bħal dan iċempel lill-Animal Welfare. Staqsa wkoll jekk l-Animal Welfare tħalliħx jaddotta lill-kelb jekk ifejjquh b’suċċess.

Aktar tard il-mara tiegħu tellgħet ritratt ieħor fil-grupp tgħid li hemm ċans kbir li l-kelb ittajjar minn karozza. Staqsiet jekk Animal Welfare iraqqduhx jew ifejjquh jekk ikollhom jiġbru l-kelb minn fuq il-post u f’dan l-istat.

Bosta kienu dawk li kkummentaw u talbu sabiex il-kelb ma jitraqqadx imma jaraw jekk għandux ċippa li biha wieħed jiddetermina min kien is-sid l-oriġinali.