Sibt id-dud fl-għaġin: Tista’ tieħu flusek lura?

pestnet.org

Read in English.

Platt għaġin tajjeb jinżel għasel għal ħafna. Sfortunatament, mhux l-ewwel darba li qabel ma jibda jsajjar dak li jkun jiftaħ pakkett għaġin u jsib li l-penne jew l-ispaghetti jkollu l-kumpanija.

Jekk sibt xi dud fl-għaġin li tkun għadek kif xtrajt mingħand tal-merċa, tista’ tieħu flusek lura?

Il-bumunqar, jew kif inhu magħruf bl-Ingliż weevil, huwa tip ta’ ħanfus li faċli jista’ jsib ruħu fil-qmuħ taċ-ċereali bħall-għaġin. Ħafna drabi dawn jistgħu jdumu sa 35 ġurnata biex jiżviluppaw minn bajda sakemm isiru adulti. Però, dan jiddependi fuq ħafna fatturi fosthom it-temperatura.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Awtorità Maltija għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) dwar x’tista’ tagħmel persuna li ma tkunx kuntenta bil-pakkett għaġin li tkun xtrat.

Kelliema għall-MCCAA qalet li f’dan il-każ il-konsumatur għandu dritt jirritorna l-prodott u jitlob rimedju.

“Il-konsumatur jista’ jitlob jew li jingħata pakkett ieħor, jew jekk dan ir-rimedju mhux possibbli, jista’ jitlob il-flus lura,” qalet il-kelliema. Biex wieħed jieħu flusu lura jrid ikollu rċevuta li turi minn fejn u meta nxtara l-prodott.

“Jekk tal-ħanut jirrifjuta li jipprovdi rimedju, il-konsumatur jista’ jiftaħ ilment mal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur.”

Il-kelliema qalet li huwa importanti li l-konsumatur jirraporta l-każ lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali qabel ma’ jkellem lil tal-ħanut “sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-istħarriġ tagħhom u jieħdu l-passi meħtieġa biex jekk ikun il-każ il-prodott jitneħħa mis-suq”.