“Sibnieha f’dar imnittna; kienu jaħsluha darba fill”

Sor Anastasia mil-Little Sisters of the Poor rrakkuntat kif fost l-esperjenzi li ltaqgħat magħhom kien hemm dik ta’ mara li meta marru jarawha lanqas felħu jidħlu fid-dar bl-irwejjaħ jintnu li kien hemm.

Ma’ Newsbook.com.mt Sor Anastasia rrakkuntat kif meta kienet qed taqdi l-missjoni tagħha f’pajjiżha kien hemm mara li kienet fqira tant li ma kellha xejn.

Spjegat li marru jarawha għax mhux l-ewwel darba li jkun hemm min jgħidilhom biex jgħinu lil xi anzjan jew anzjana iżda jkunu qed jagħmlu hekk biex jeħilsu mill-ġenituri tagħhom. Irrimarkat li fid-djar ta’ Little Sisters of the Poor ma jidħlux persuni sinjuri, iżda dawk li huma fost l-ifqar.

Hi u tirrakkonta qalet li xi drabi lill-mara kien jiġi xi ħadd jaħsilha, pero dawn id-drabi kont tgħoddhom fuq subgħajk. Qalet ukoll li ġieli kien ikun hemm min joħdilha l-ikel, madanakollu minħabba li kienet għamja u ma kienux jgħinuha, ħafna mill-affarijiet kienu jiqbgħu fid-dar.

Sor Anastasia spjegat kif meta ħaduha fi ħdan il-Little Sisters of the Poor, ħasluha u wrewha l-kamra, qaltilhom “qatt ma stennejt li xi ħaġa bħal din tiġri lili”. Irrakkuntat li tant qasmitilha qalbha bi kliemha li bdiet tibki.

Sostniet li dawn in-nies japprezzaw sal-inqas ħaġa li tagħmel magħhom u l-kelma “grazzi” dejjem ħierġa minn fommhom. Qalet li dawn in-nies jafu xi jfisser meta ma jkollok xejn.

Ir-residenza tal-Little Sisters of the Poor tilqa’ fiha anzjani li għandhom aktar minn 60 sena u jkollhom pensjoni tant baxxa li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja dinjituża.

Jekk tixtieq tgħinhom tista’ tasal wasla sar-residenza inti stess jew inkella ċċempel fuq 2124 6630.