Shutdown ieħor għall-Gvern tal-Istati Uniti

Il-Gvern Amerikan beda shutdown wara li l-Kungress ma rnexxielux jgħaddi miżura b’rabta mal-baġit fil-ħin.
Il-leġiżlaturi kienu qed jittamaw li japprovaw abbozz qabel nofsillejl.
Però, is-Senatur Repubblikan Rand Paul insista biex isir dibattitu dwar l-emendi tiegħu biex jkun hemm limitu fuq l-infieq. F’Jannar li għadda qamet kwistjoni simili li wasslet għal shutdown tal-Gvern għal tlett ijiem.
Kemm is-Senat u kemm il-Kamra tar-Rappreżentati jridu japprovaw il-ftehim tal-infieq għas-sentejn illi jmiss.
Skont il-midja internazzjonali, għadu mhux magħruf x’se jkun il-pass li jmiss għall-Kungress tal-Istati Uniti jew kif se jkunu affettwati s-servizzi pubbliċi llum.
L-aħħar ftehim kien se jgħolli l-limitu fuq l-infieq b’madwar €240 biljun. Is-Senatur Rand Paul insista li din kienet miżura li ma setax jappoġġja.