SHout: “Il-kaċċaturi qed jippruvaw iqarrqu bil-pubbliku”

Il-koordinatur tal-kampanja SHout Romina Tolu qalet li l-kaċċaturi qed jippruvaw iqarrqu bil-pubbliku billi jxerrdu informazzjoni mhux korretta dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Sostniet li dan qed jagħmluh billi jwissu li jekk in-nies jivvotaw le fir-referendum, wara jkun imiss il-passatempi tagħhom.
Tolu qalet kif SHout ippubblika lista ta’ allegazzjonijiet foloz li qed ixerrdu il-kelliema tal-FKNK Mark Bonello u Joe Perici Calascione.
Sostniet li l-kampanja kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa temmen li l-votanti se jindunaw waħedhom li dawk favur il-kaċċa qed jużaw dawn it-tattiċi ta’ gideb għax jafu li m’hemm ebda raġuni valida għalfejn wieħed m’għandux jivvota le.
SHout ħabbret ukoll kif iktar ambaxxaturi se jingħaqdu mal-kampanja kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa. Apparti l-ambaxxaturi preżenti, Moira Delia, Saviour Balzan, Joseph Mangion, Seb Tanti Burlo, Frank Zammit, Renzo Spiteri, Nick Morales, Carina Camilleri u Iggy Fenech, issa se jingħaqdu wkoll Pierre Portelli, Coryse Borg u Edward Caruana Dingli.
Tolu qalet li hu verament ta’ inkoraġġiment li daqstant personaġġi Maltin lesti jappoġġjaw il-kampanja kontra l-kaċċa.
Ħeġġet lil kulħadd biex fil-11 ta’ April jivvota le għax “Dan ir-referendum hu ċ-ċans biex nagħmlu differenza u nagħmlu dak li hu xieraq għall-għasafar u għad-dritt tal-Maltin ħalli jgawdu l-kampanja tagħhom.”