‘Shipwreck’ – filmat dwar in-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta

Tnieda Shipwreck, filmat li jitkellem dwar in-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta u li fisser investiment ta’ €376,000.
Nofs il-fondi meħtieġa nħarġu minn fondi tal-UE taħt skema mħaddma mill-Gvern f’Malta.
Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis nieda l-proġett, li ddeskrivih bħala wieħed li jsaħħaħ il-wirt kulturali reliġjuż għani tal-gżejjer Maltin.
Tkellem dwar dan l-aspett u semma fost l-oħrajn, it-365 knisja u kappella mimlija arti li jesponu t-talent ta’ artisti ta’ fama internazzjonali.
Il-Ministru Zammit Lewis fisser kif in-niċċa ta’ turiżmu reliġjuż hi importanti għall-pajjiż u qed tikber matul iż-żmien għalkemm għadha mhix sfruttata biżżejjed.
Fl-2013, 0.4% ta’ dawk li żaru Malta ġew fil-pajjiż minħabba r-reliġjon jew pellegrinaġġ. 65.8% ta’ dawk li jżuru lil Malta, jidħlu jżuru mill-inqas knisja jew kappella fil-pajjiż.
Il-Ministru tat-Turiżmu spjega li l-għan tal-Gvern hu li jwessa’ ż-żoni turistiċi biex jiġi żgurat li d-dħul finanzjarju mis-settur ikun ta’ benefiċċju għal kulħadd.