Shelters magħluqa u akkomodazzjoni temporanja mimlija – Il-Gvern

    Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali qal li x-shelters huma magħluqa u l-maġġoranza tal-postijiet ta’ akkomodazzjoni temporanja huma mimlija.

    Fi stqarrija l-Ministeru qal li qed issir riċerka dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq il-housing u l-ħajja ta’ kuljum.

    Din ir-riċerka bdiet fil-bidu ta’ April fejn il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni daħal fi djalogu kontinwu mal-NGOs speċjalment ma’ dawk li joperaw fis-settur tal-homelessness u emergency shelters. Għaddejja wkoll riċerka kwantitattiva dwar kif is-settur tal-kirjiet privat qed jiġi milqut.

    “Il-Ministeru kkonċernat tkellem mal-Platform Against Homelessness, li hija koalizzjoni ġdida ta’ NGOs immexxija mill-YMCA. Huma rrapportaw li issa beda jinħass sew l-impatt fuq is-servizzi tagħhom. Spjegaw li hemm nies vulnerabbli bħal hidden homeless fost oħrajn li qed jintilfu fis-sistema peress li x-shelters huma magħluqa u l-maġġoranza tal-akkommodazzjoni temporanja hija mimlija wkoll. Min għandu post, dan qed jiġi okkupat għal 14 il-ġurnata għal kwarantina,” qal il-Ministeru.

    L-ostakli ewlenin li ħarġu mir-riċerka huma li l-klijienti li jikkuntatjaw lill-helpline179, lix-shelters u anke lill-isptar Monte Karmeli, huma klijenti li ħafna drabi ma jkollhomx post fejn jagħmlu kwarantina. Oħrajn jiġu mitluba jagħmlu swab test sabiex jingħataw shelter imma peress li ma jkunux sintomatiċi, dawn ma jkunux eliġibbli. Irriżulta li hemm fosthom substanceabusersli qed jesperjenzaw sintomi akuti ta’ sfidi tà saħħa mentali u allura jkollhom bżonn servizz intensiv li jadatta għalihom. B’hekk kien hemm uħid li kienu qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. 

    “Fl-isfond ta’ dan kollu, bħala Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali dħalt f’konverżazzjoni mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof Charmaine Gauċi fejn iddiskutejt magħha din is-sitwazzjoni prekarja mill-lenti ta’ kif il-pandemija qed tolqot b’mod dirett il-homelessness u s-servizzi tat-tielet settur. Il-bżonn li tinħoloq proċedura ġdida li tkun speċifika għall-NGOs ġiet milqugħa mal-ewwel u b’mod pożittiv min-naħa tas-Supretendent”, qal il-Ministru Roderick Galdes.

    L-NGOs se jkunu qed jibbenefikaw minn servizz ġdid li se jkun adattat għalihom, inkluż it-trasport għal min ma jkollux karozza u li jingħata slot għal swab test. 

    NGOs li jixtiequ jagħmlu kuntatt jew jixtiequ jkunu inklużi f’dan is-servizz jistgħu jagħmlu kuntatt b’email fuq social.accommodation@gov.mt.