Sheehan kellu dritt jispara – l-avukat tal-eks xufier ta’ Mallia

Read in English.

L-eks Pulizija Paul Sheehan kellu dritt kostituzzjonali jispara fuq karozza ta’ sewwieq, skont l-avukat tiegħu. Kien qed jitkellem dwar il-każ li wassal għar-riżenja tal-Ministru Manuel Mallia.

Fil-Qorti llum l-avukati u l-prosekuzzjoni kienu qed jagħmlu l-argumenti tal-għeluq tagħhom quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

L-avukat ta’ Sheehan qal li l-pulizija kellu dritt jispara fuq xi ħadd li kien qed jaħrab skont il-kostituzzjoni. Qal li kien hemm każ ta’ raġel li nqatel mill-pulizija waqt li kien qed jaqbeż mill-bjut. Semma li kien hemm ukoll każ ta’ raġel li ħareġ mus żgħir quddiem il-Pulizija li wkoll qatluh. Fi kliem l-avukat difensur, dan il-każ infetaħ fuq Sheehan għax kien ix-xufier ta’ Manuel Mallia. Qal li fiż-żewġ każijiet l-oħra l-ebda pulizija ma spiċċa l-qorti.

F’Novembru tal-2014 Sheehan kien spara għadd ta’ tiri. Mill-inqas tnejn minnhom laqtu l-karozza ta’ Stephen Smith, raġel Skoċċiż. L-avukat li qed jidher parte ċivile għal Smith illum qal li Sheehan aġixxa bħal li kieku kien entitolat. Spjega li filwaqt li dak il-lejl il-klijent tiegħu kien qed jinżamm mal-art, Sheehan kien qed idur jitkellem b’mobile f’id waħda u pistola f’idu l-oħra.

L-avukat ta’ Sheehan qal li skont espert tal-Qorti Smith kellu livell ta’ 109mg ta’ xorb fil-ġisem tiegħu għas-2am. Qal li jfisser li għad-9pm meta seħħ l-inċident, Smith kellu livell ta’ aktar minn 500mg.

Skont studji mediċi, meta wieħed ikollu livell tax-xorb fid-demm ta’ aktar minn 400 mg/dL wieħed jista’ jispiċċa f’koma jew saħansitra jmut.

L-avukat ta’ Sheehan irrefera wkoll għax-xhieda ta’ brigadier li kien l-espert tal-ballistika f’dan il-każ. L-espert qal li Sheehan kien qed jimmira lejn ir-roti tal-karozza ta’ Smith. Żied jgħid li kellu mira ppanikkjata u lejn karozza li kienet miexja. It-tires ma ntlaqtux. Kien hemm balla li laqtet il-bumper u balla oħra li laqtet pilastru qrib is-saqaf tal-karozza.

Il-każ mistenni jkompli f’April. L-avukat ta’ Sheehan huwa Edward Gatt.

Erġa’ isma r-rekordings tal-Pulizija

Lura f’Diċembru tal-2014 ġew leaked għadd ta’ rekordings b’rabta mal-każ.

F’rekording minnhom Sheehan jinstema’ jhedded lil Smith biex ma jiċċaqlaqx għax kien se jkompli jispara fuqu sakemm jaħli l-balal li kellu fl-arma tan-nar.

Stejjer oħra b’rabta mal-każ: