Shaun Galea u Lara Buttigieg jirbħu t-tielet BSJ Sprint Triathlon

Shaun Galea rebaħ it-tielet tellieqa tal-BSJ Sprint Triathlon Series. Galea kien l-ewwel li ħareġ mill-ilma u tliet sekondi biss warajh ħareġ Bernard Sant. It-tnejn kellhom vantaġġ tajjeb fuq Nikol Micallef li kien it-tielet atleta li ħareġ mill-ilma. Fit-taqsima tar-rota kien Josef Bonavia li rreġistra l-aħjar ħin. Iżda Galea għamel ħiltu biex fil-ġirja ta’ 5km qabad pass tajjeb u rreġistra l-aħjar ħin. Galea spiċċa biex rebaħ it-tellieqa f’siegħa u 49 sekonda. Fit-tieni u t-tielet post ġew Bernard Sant u Josef Bonavia rispettivament.

Lara Buttigieg irnexxielha tirbaħ it-tellieqa tan-nisa. Għalkemm mill-ilma rnexxielha toħroġ 33 sekonda wara Anjelika Ruggier u Margaret Seguna, hija għamlet ħin ferm tajjeb fir-rota u qabdet pass tajjeb fil-ġiri biex finalment irnexxielha tirbaħ l-ewwel post.

Jesrit Camilleri u Lara Buttigieg qegħdin fuq quddiem tal-klassifika ġenerali wara li rnexxielhom jieħdu sehem fit-tlielaq kollha s’issa.