Sharon Stone tilfet dak kollu li kellha wara puplesija

Ritratt: Thore Siebrands

L-attriċi Sharon Stone f’intervista nhar l-Erbgħa li għadda bħala parti mill-avveniment Women’s Brain Health Initiative stqarret li l-kriżi f’saħħitha li għaddiet minnha fl-2001 farrkitilha l-karriera u tilfet dak kollu li kellha.

L-attriċi tkellmet b’mod miftuħ dwar il-puplesija kbira li laqtitha u d-disat ijiem li għaddiet minnhom meta moħħha nixxa d-demm. Stone ikkalkulat li damet madwar seba’ snin biex fieqet wara l-puplesija. Mhux hekk biss iżda f’dan il-perjodu għaddiet minn problemi kbar fil-ħajja personali tagħha u fil-karriera.

“Ridt nara li ħajti tibqa’ għaddejja,” qalet il-mara. “Ridt nieħu ħsieb ibni u biex insib ix-xogħol. Bix-xorti ngħatajt kuntratt mad-ditta Dior dik il-ħabta. Imma xorta waħda kelli nagħmel kuntratt ġdid mal-bank biex inħallas id-dar. Tlift dak kollu li kelli. Tlift posti fl-industrija tal-films. Insewni.”

Meta tkellmet dwar dak li għaddiet minnu fil-puplesija hija qalet li damet tlett ijiem qabel ma ttieħdet l-isptar. Kellha ċans li tgħix ta’ wieħed fil-mija biss u t-tobba damu xahar ma jafux jekk hux se tmut lew le.

Iżda issa jidher li l-attriċi ta’ 61 sena se tkompli għaddejja ’l quddiem b’ħajjitha. F’Mejju li għadda dehret f’artiklu ta’ sbuħija fil-ħarġa tal-magażin Portugiż ta’ Vogue fejn fih tidher fl-istess poża li għamlitha famuża fil-film Basic Instinct tal-1992.