X’jiftakar il-Papa dwar in-nanna Rosa?

Il-Papa Franġisku waqt it-tnedija tal-ktieb "Sharing the Wisdom of Time"

“Jekk l-anzjani ma joħolmux, iż-żgħażagħ ma jarawx il-futur. Għandna bżonn nanniet li joħolmu u jżommu l-memorja ħajja.” Dan hu l-messaġġ tal-Papa Franġisku li ta bidu għall-proġett “Sharing the Wisdom of Time”.

Dab hu ktieb li fih 250 intervista ma’ persuni anzjani minn 30 pajjiż differenti, bil-kummenti tal-Papa fuq kull waħda minnhom fejn kultant jitkellem ukoll fuq l-esperjenzi u l-bijografija personali tiegħu.

It-tnedija tal-ktieb saret nhar it-Tlieta li għadda, fl-Istitut Patristiku Augustinianum, f’Ruma fil-preżenza tal-Papa nnifsu, fl-isfond tas-Sinodu tal-Isqfijiet,

F’din l-okkażjoni, l-Arċisqof Jose Domingo Ulloa Mendieta tal-Panama, li hu l-President tal-Kumitat Organizattiv tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2019, li se jsir f’pajjiżu, għamel diskors qasir li fih ta t-testimonjanza tiegħu ta’ din l-esperjenza.

“Aħna bdejna djalogu fil-Panama bi preparazzjoni għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ wara l-appell li l-Papa kien għamel liż-żgħażagħ fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni tas-sena li għaddiet fi Krakow biex imorru għall-Jum Dinji fil-Panama id f’id man-nanniet tagħhom.”

Father Antonio Spadaro ddeskriva kif bdiet l-inizjattiva ta’ dan il-ktieb. Dan sar possibbli bil-kollaborazzjoni ta’ żewġ Assoċjazzjonijiet: il-Jesuit Refugee Service u Unbound li tieħu ħsieb aktar minn 300,000 anzjan u tfal fi 18-il pajjiż differenti.

Grazzi għal Unbound, li hi assoċjazzjoni mhux bi skop ta’ qligħ, fi żmien sena u nofs inġabru 250 storja li mbagħad il-Ġiżwiti ppreżentawhom lill-Papa Franġisku. Il-Papa kellu tliet kontribuzzjonijiet għal dan il-ktieb: kiteb id-“Daħla” tiegħu; ta l-kontribut tiegħu bħala anzjan, fejn spjega li kellu jitgħallem biex ikun anzjan; u kiteb ukoll xi stejjer.

Meta l-proġett kien suġġerit lill-Papa Franġisku fil-bidu hu “bħal donnu tefa’ ħarstu fuq l-istorja tal-persuni. Ra r-ritratti u għajnejh iffissaw fuq l-uċuħ, l-idejn għax dawn juruk is-snin u l-qalb tan-nies”, qal Fr. Spadaro.

“Il-Papa jiftakar sew lin-nanniet tiegħu, partikolarment in-nanna Rosa. Kienet tfissdu ħafna iżda dejjem kienet tgħidlu xi ħaġa ta’ għerf. Ma tantx kienet tagħti pariri imma kienet taħseb u titlob ħafna,” irrakkuntali. “Fl-anzjani l-Papa jfittex il-ħarsa tagħhom”, żied il-promutur ta’ “Sharing the Wisdom of Time”.

Anke l-istess tnedija tal-ktieb kienet riflessjoni tiegħu f’forma ta’ djalogu inter-ġenerazzjonali li fiha ħadu  żgħażagħ kif ukoll anzjani u għamlu domandi lill-Papa.

Id-Direttur tal-films, Martin Scorsese, attenda għal din il-preżentazzjoni u għamel mistoqsija lill-Papa Franġisku: B’mod ġenerali llum hu maħsub  li n-nies mhux kapaċi jinbidlu, li t-tjubija hi biss poża u li d-distribuzzjoni, l-umiljazzjoni u t-terrur hu dak li trid id-dinja. Wieħed, jisma’, jaqra u jara dan kullimkien. Dan hu aċċettat. Kif jista’ bniedem jgħix ħajja tajba u ġusta f’soċjetà motivata mir-rgħiba u l-vanità u kontrollata mill-eżerċizzju tal-poter?

Tliet tfajliet, mill-Italja, il-Colombia u l-Istati Uniti u erba’ anzjani fosthom Professur minn Firenze, nanniet minn Malta u Martin Scorsese għamlu sitt domandi oħra lill-Papa Franġisku dwar il-fidi, il-koeżistenza u r-rispett lejn l-oħrajn fil-kuntest tal-kultura tar-rimi u l-preżenza tal-ħażen fis-soċjetà kontemporanja.