Shannen Doherty f’Riverdale biex tfakkar lil Luke Perry

L-istaġun il-ġdid ta’ Riverdale se jirritorna fid-9 ta’ Ottubru. Kif kien imwiegħed mill-producers ta’ din is-sensiela, l-istaġun il-ġdid se jiftaħ b’tislima speċjali lill-atturi Luke Perry li miet nhar l-4 ta’ Marzu.

F’din is-sensiela hu kien jinterpreta l-karattru ta’ Fred Andrews, u minħabba li l-mewt tiegħu seħħet mingħajr ma kien mistenni, ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni dwar kif il-karattru tiegħu kien se jispiċċa mis-sensiela.

Il-producers spjegaw li minħabba li t-tielet staġun kein kważi wasal fl-aħħar, ma riedux jgħaġġlu fid-deċiżjoni tagħhom biex b’hekk ma jiddiżappuntawx lis-segwaċi tas-sensiela u l-ammiraturi ta’ Perry.

Għalhekk huma kkommettew li l-ewwel puntata tar-raba’ staġun kien se jkun episodju li jagħti tislima xierqa lil dan l-attur.

Fit-tmiem il-ġimgħa li għadda, waqt il-Comic Con li saret f’San Diego, tħabbar li l-producers laħqu ftehim mal-attriċi Shannen Doherty biex tkun mistiedna speċjali fl-ewwel puntata u tkun parti minn din it-tislima emozzjonali u xierqa lil dan l-attur.

Doherty u Perry kienu ħbieb kbar fil-ħajja privata u hu kien fi qribha meta hi kienet qed tiġġieled il-kanċer.

AQRA: Imut l-attur ta’ Riverdale Luke Perry

It-tnejn li huma kienu kisbu suċċess bħala Dylan u Brenda fis-sensiela oriġinali ta’ Beverly Hills, 90210, u baqgħu ħbieb sal-aħħar.

AQRA: Ta’ Riverdale se jagħtu l-aħħar tislima lil Luke Perry

Inċidentalment, il-kast ta’ Beverly Hills 90210 reġa’ ngħaqad ukoll dan l-aħħar għax proprju x-xahar id-dieħel se jibdew jixxandru puntati ġodda fejn l-atturi oriġinali se jkunu qed jerġgħu lura flimkien.

Ovvjament, mhx se jkun hemm magħhom Luke Perry, u s’issa mhux magħruf jekk il-producers ta’ 90210 humiex se jfakkru huma wkoll lil Perry.

AQRA: Filmat: Ta’ Beverly Hills, 90210 jingħaqdu mill-ġdid

Jidher li Perry kien ilu jitlob lill-producers ta’ Riverdale biex jagħtu parti lil Doherty sa mill-ewwel staġun iżda huma qatt ma sabu l-mument opportun. Madanakollu, iddeċidew li fl-episodju li se jaħdmu bħala tislima, bix-xieraq kellhom jaqtgħulu xewqtu.

Ritratt: Instagram