Sħana, riħ isfel u gdim tan-nemus

“Sħana, riħ isfel u gdim tan-nemus…” kien ikanta Walter Micallef. Imma mhux bilfors nemus. Forsi anke briegħed jew naħal.

Ħafna drabi fis-sajf, meta niskopru xi gidma fuq ġisimna, nassumu li hi gidma ta’ nemusa, iżda taf tkun ukoll gidma ta’ qurdiena, li tista’ tittrasferixxi l-marda Lyme, li twassal għall-paraliżi jew għall-meninġite.

L-ewwel punt sagrosant hu: tqabbdek kemm tqabbdek ħakk il-gidma, tħokkhiex!

Ladarba tħokk, hu ħafna iżjed faċli li l-gidma tkun infettata. Tinduna li tkun infettata jekk tibda ssir iżjed ħamra, taħarqek u tħokkok aktar. F’dak il-każ, mur għand tabib immedjatament.

F’każ ta’ gidma ta’ naħla hi biss xi ftit perikoluża jekk din tħalli x-xewka bil-velenu ġo ġisem il-bniedem. Imma din tinqala’ faċilment b’suba’ jew b’karta tal-kreditu. Importanti li l-gidma ma tagħfashiex.

Il-qurdien jidħol fil-ġisem u jrid jitneħħa b’mod metikoluż ħalli ma teħillux rasu ġo ġisem il-persuna, għaliex dan iwassal għal infezzjoni.

Il-gidma ta’ qurdiena tista’ tikkawża l-marda Lyme, li normalment tidher permezz ta’ raxx. Il-Lyme tikkawża paraliżi, meninġite, u artrite.

Il-qurdien hu partikolarment komuni f’postijiet fin-natura, pereżempju fejn ikun hemm iċ-ċriev.

Min-naħa l-oħra, il-bergħud jinstab fuq annimali u fil-ġonna.

Il-gidma tal-bergħud tidher bħala boċċa ħamra fuq il-ġisem, li tqabbad ħafna ħakk u ġieli tidher qisha bużżieqa.

Normalment jigdem postijiet fejn il-ġilda tkun irqiqa, bħat-tikmix, u taħt l-idejn, u jekk ma tintebaħx, jista’ jibqa’ jgiddem fil-ġilda għal ġranet sħaħ.

In-nemus, il-favorit tagħna hawn Malta, hu magħruf li jġorr mard perikoluż, bħall-malarja.

Meta tingidem min-nemus, ikun qed jinjetti l-bżieq tiegħu f’ġismek, hu u jiġbed id-demm. Għandek tlaħlaħ il-gdim tan-nemus bis-sapun u l-ilma sħun.

Ipprova evita t-tentazzjoni li tħokk!