Sħana ġejja mhux silġ

FirstMalta.com, il-website li li joffri servizz ta’ tbassir tat-temp, irċieva ħafna telefonati b’nies isaqu jekk hux ġejja x-xita u s-silġ. Dan ġara għax xi ħadd qabad jixxerja artiklu ta' Newsbook.com.mt fejn jingħad li nhar is-Sibt ġejja Maltempata.
Dawk li xxerjaw, jew għamlu hekk apposta jew inkella bi żball ma ntebħux li d-data tal-artiklu ixxerjat kienet tas-sena l-oħra u mhux ta’ din is-sena! Għalhekk hafna nies ippanikjaw għalxejn.
Fil-fatt dan is-sit indipendenti tat-tbassir tat-temp qed ibassar li fi tmiem il-ġimgħa li ġej se tersaq lejn Malta mewġa oħra ta' sħana.  Il-mappa (annessa) turi t-temperaturi lejn nofs din il-ġimgħa, lejn il-Punent tal-Mediterran tidher ċara arja ta’ massa sħuna li bħalissa qed taffettwa l-Portugall u Spanja u fil-ġranet li ġejjin se tersaq lejn Malta.
Fl-aħħar 48 siegħa esperjenzajna temperaturi ta’ madwar 10°C inqas għolja minn dawk li esperjenzajna fl-aħħar ġranet ta’ Ġunju.
It-temperaturi mistennija jibqgħu jilħqu l-ogħla sa 31°C u jinħassu madwar 33°C s’għada, iżda jibdew jogħlew lejn l-aħħar tal-ġimgħa sakemm sas-Sibt u l-Ħadd li ġej, jilħqu l-35°C u jinħassu sa 37°C.
Il-mewġa ta’ sħana mhux mistennija tkun gravi daqs dik li esperjenzajna ftit tal-ġranet ilu.