Shalva Band: Ir-rebbieħa mhux uffiċjali tal-Eurovision 2019

Shalva Band

Il-grupp Shalva Band x’aktarx jibqa’ magħruf bħala r-rebbieħ mhux uffiċjali tal-Eurovision 2019 li qed isir f’Tel Aviv. Meta interpretaw il-kanzunetta tagħhom A Million Dreams fl-intervall tal-konkors tal-Ħamis tant impressjonaw li l-opinjoni ġenerali kienet li kieku kienu qed jikkompetu kellhom kull ċans li jirbħuh huwa dan il-festival.

Ix-Shalva Band, magħmul minn persuni b’diżabbiltà, qalu li ma kienx il-ħsieb tagħhom li jaslu fuq il-palk tal-Eurovision bħalma spiċċaw fuqu. “Madankollu,” qalet Dina Samteh, kantanta fil-grupp, “meta għażluna biex nirrappreżentaw lill-Istat ta’ Iżrael, u jafu min aħna, u biex naqsmu l-messaġġ tagħna, dan għalina kien ta’ unur kbir.”

Il-grupp kien wasal sal-finali tal-ispettaklu Hakochav Haba li r-rebbieħ tiegħu jirrappreżenta lill-Iżrael fil-Eurovision. Imma meta saru jafu li waqt il-Eurovision kellhom jagħmlu l-provi fix-Shabbat, il-ġurnata tal-mistrieħ għal-Lhud, ma ridux jieħdu sehem.

Ritratt: Thomas Hanses

Shai Ben-Shushan, id-direttur tal-grupp, qal li l-membri kollha qablu li x-Shalva Band ma jiħdux sehem. Kompla jgħid li meta bdew ikantaw flimkien in-nies ma ridux jafu bihom, anzi kien hemm min li meta rahom qabad u ħareġ mill-kamra. Imma stinkaw sakemm fl-aħħar waslu sal-finali tal-ispettaklu Hakochav Haba.

Samteh qalet li huma bħalissa jinsabu f’nofs ħolma. Issa beħsiebhom joħolqu u jiktbu l-kanzunetti u jagħtu spettakli anki barra minn pajjiżhom. Fil-fatt diġà ntalbu jagħtu spettakli fl-Ewropa.

Tgħid wara l-wirja tal-bieraħ filgħaxija lil Shalva Band għad narawhom fil-Eurovision?