Sħab griż fuq il-ħajt ta’ Trump, jew le?

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, aktarx mhux se jalloka flus għall-bini tal-ħajt mal-fruntiera tal-Messiku, hekk kif dil-ġimgħa mistenni jressaq il-proposti ta’ nfiq tal-gvern.
Dan ikkonfermah il-konsulent tal-president, Kellyanne Conway, li qal li l-flus għall-ħajt jistgħu jitħallew barra mill-aġenda ta’ proposti għall-baġit, liema proposti jridu jgħaddu sal-Ġimgħa li ġejjin.
Il-bini tal-ħajt kienet waħda mill-wegħdiet ewlenin ta’ Trump fil-kampanja elettorali tas-sena l-oħra.
Sadanittant, id-Demokratiċi wissew li jekk ikun hemm xi flus allokati għal dan il-ħajt, jivvutaw biex il-proposti ma jgħaddux kollha kemm huma, bir-riskju li jinħolqu aktar problemi għal Trump u l-gvern tiegħu.
Minkejja dan, il-president Amerikan sostna fuq Twitter li hu għadu jżomm sod mal-idea ta’ ħajt mal-fruntiera Messikana, u li xi darba jew oħra se jibnih.
Il-konsulent ta’ Trump irrimarkat ukoll li l-fondi għall-ħajt m’hemmx għalfejn jinstabu bilfors sal-aħħar ta’ dil-ġimgħa.