Jieħdulhom il-klieb bil-forza għal laħam fir-ristoranti fil-Korea ta’ Fuq

Il-poplu tal-Korea ta’ Fuq qed ikun ordnat jagħti l-klieb li jżomm bħala pets biex jintużaw bħala laħam fir-ristoranti. L-Awtoritajiet Korean qed imorru fid-djar ta’ nies li jrabbu l-klieb u jordnawlhom jagħtuhom il-kelb tagħhom. Jekk dawn jirrifjutaw il-kelb jittieħed bil-forza biex jitraqqad u jintuża għal-laħam fir-ristoranti.

Skont rapporti fil-midja internazzjonali l-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un jidher li qed jipprova jlaħħaq mal-kriżi ekonomika tal-pajjiż, li qed taffettwa l-ikel, billi ordna lin-nies jagħtu l-klieb tagħhom biex jinqatlu għal laħam fir-ristoranti biex il-pajjiż jikumbatti l-ġuħ.

Fil-Korea ta’ Fuq il-klieb jitrabbew bħala pets minn nies li huma meqjusa bħala sinjuri u ta’ klassi għolja bħala privileġġ. Dawk ta’ klassi soċjali iktar baxxa jistgħu jrabbu bhejjem bħala pets.

Din il-mossa attirat ir-rabja ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja, inkluż fil-Korea stess.

Kim Jong Un iprojbixxa t-trobbija tal-pets fil-Korea ta’ Fuq f’Lulju li għadda hekk kif skontu hi ideoloġija  elitista.