Sfurzata tidħol bħala pazjenta wara argument f’Monte Karmeli

Arkivji

Mara li taħdem bħala nursing aide fl-isptar Monte Karmeli li kellha argument mas-supervisor tagħha ddaħħlet bħala pazjenta l-isptar kontra l-volonta tagħha għal erbat ijiem skont il-General Workers Union (GWU).

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-GWU qalet li “psikjatra indipendenti” li eżamina lill-mara, qal li kienet taf x’inhi tagħmel waqt l-argument. In-nursing aide kienet sfurzata li tinħasel quddiem il-kollegi tagħha. Hi nżammet fl-istess sala ta’ fejn kienet taħdem taħt osservazzjoni għal 24 siegħa kuljum.

Is-Segretarju għas-Settur Pubbliku tal-GWU Jeremy Camilleri qal li n-nursing aide ffirmat ammissjoni sfurzata u nżammet fl-isptar wara li allegatament qalet li kienet se tikkommetti suwiċidju. Spjega li waqt li kienet l-isptar ma rċeviet l-ebda tip ta’ trattament.

Ġie spjegat li ftit ġimgħat wara l-argument, l-amministrazzjoni tal-isptar ċemplet lill-mara u qalulha li kienu nkwetati li kienet se tweġġa’ lilha nnifisha jew lil terzi. Qalulha wkoll li kienet se tiddaħħal bħala pazjenta. Il-GWU ma spjegatx dwar x’kien l-argument. Skont il-GWU, id-deċiżjoni biex tispiċċa’ f’Mount Karmel ittieħdet fuq it-telefon. In-nursing aide instabet ħatja tal-argument li seħħ waqt smigħ mill-amministrazzjoni tal-isptar, minkejja li qaltilhom li ma setgħetx tattendi għax kienet fuq sick leave.

In-nursing aide hija omm. L-unjin talbet lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jintervjeni fil-każ. Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali ġie infurmat bil-każ ukoll. Il-GWU spjegat li ma kienx aċċettabli li l-mara nżammet fl-istess post li fih kienet taħdem. Żiedet tgħid li normalment tinstab soluzzjoni alternattiva. Skont l-awtoritajiet, il-mara ddaħħlet b’mod volontarju, ħaġa li l-mara qed tiċħad.