“Sfreġju ambjentali f’Ħ’Attard ikompli minn Gvern tal-PL” – AD

Is-Segretarju Ġenerali tal-Alternattiva Demokratika, Ralph Cassar, sostna li l-isfreġju ambjentali mibdi minn Gvern Nazzjonalista qed jitkompla minn Gvern Laburista.
Cassar qal hekk fi stqarrija wara l-involviment tiegħu fi protesta li saret f’Ħ’Attard dalgħodu mis-Sindku ta’ Ħ’Attard, Stefan Cordina, u nies li joqogħdu fil-madwar ta’ fejn ġie propost li jinbena bini għoli kważi 18-il metru.
L-inħawi jinsabu fil-limiti tar-raħal fuq art mhux żviluppata.
Il-kelliem tal-AD, li huwa wkoll kunsiller f’dar-raħal, fakkar li diż-żona ddaħħlet fiż-żona ta’ żvilupp mill-kabinett ta’ Lawrence Gonzi, bl-approvazzjoni tal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti fil-Parlament fl-2006.
"Ironikament anke Membri Parlamentari ta’ dan id-distrett, bħall-Whip Nazzjonalista David Agius, u li llum, qed jilagħbuha tal-paladini tal-ambjent ivvutaw favur din l-iskema li daħħlet 2 miljun metru kwadru ta’ art fiż-żona tal-iżvilupp. Minn dakinhar ’l hawn anke l-għoli permess tal-bini żdied minn 3 sulari u penthouse, riċentament għal effettivament 4 sulari u penthouse f’żoni simili.
Ralph Cassar żied jgħid li madanakollu Membri Parlamentari Laburisti jibqgħu llum ukoll b'ħalqhom magħluq u wkoll jiġu jippuppaw jilagħbuha tad-difensuri tar-residenti.
Waqt il-protesta kien hemm il-Whip Parlamentari Nazzjonalista David Agius u Marlene u Godfrey Farrugia mill-Partit Demokratiku.
L-istqarrija tkompli tgħid li minkejja l-wegħdiet, mill-2006 ’l hawn l-istess affarijiet għadhom jirrepetu ruħhom.
Semma wkoll kif fl-istess sena l-PL kien ivvota kontra dik li jsejħulha l-iskema tar-razzjonalizzazzjoni, iżda, fi kliemu, “jidher iżda li biddel ħsiebu minn dak iż-żmien lil hawn u intefa' b'ruħu u ġismu ukoll f'orġja ta' żvilupp selvaġġ.