“Sfida ta’ kuljum biex nifhem lill-għalliema” – tfajla nieqsa mis-smigħ

Annemarie Bugeja sostniet li l-isfida biex tifhem lill-għalliema u l-lecturers fil-klassi hija waħda mill-ikbar sfidi li tgħaddi minnhom ta’ kuljum. F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Bugeja, li hija nieqsa mis-smigħ, tkelmet dwar il-kisbiet tagħha fil-ġinnastika u l-isfidi li affaċċjat matul is-snin.

Annemarie tiġi oħt Matthew Bugeja, li wkoll huwa nieqes mis-smigħ. Hi sostniet li fl-iskola titlef ħafna informazzjoni li jgħidu l-għalliema hekk kif mhux kulħadd jifhem id-diffikultajiet tagħha. Qalet li minħabba f’hekk hi dejjem tara minn fejn se ġġib l-informazzjoni li tkun tilfet għax hi trid tippreżenta x-xogħol tagħha bħal kull student ieħor. Spjegat li l-konċentrazzjoni tagħha trid tkun b’saħħitha aktar minn ta’ studenti oħrajn.

Qalet li ċertu attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum, bħal per eżempju appuntamenti l-isptar, trid tkun akkumpanjata minn ommha jew missierha għax jekk jgħajtulha ma tismagħhomx. Spjegat li ma hemmx aċċessibiltà għal persuni li huma neqsin mis-smigħ, bħal screen, fejn jitla’ l-isem tal-persuna li jkun imissha tidħol għall-appuntament u l-kamra fejn trid tmur.

Darren Zammit Lupi

Annemarie u l-ġinnastika

Mistoqsija minn fejn nibtet l-imħabba għall-ġinnastika, Annemarie rrakkuntat kif meta kellha erba’ snin u nofs, ommha kienet tieħu lilha u lil ħuha għat-taħriġ fil-ġinnastika mal-iSpecial Olympics Malta. Qalet li meta l-ġeninturi tagħha raw il-kapaċitajiet tagħha u ta’ ħuha, huma baqgħu joħduhom għat-taħriġ u jinkoraġġuhom. Qalet li ta’ tmien snin biss, saret World Champion fil-floor exercise. Minn hemm hi bdiet temmen li hi kapaċi daqs ġinnasti oħrajn.

Qalet li l-iSpecial Olympics World Games li saru f’Ateni meta kellha tmien snin ma tinsihom qatt. Qalet li l-kisba li għamlet hemm fetħitilha l-bieb biex tidħol fl-iskola Nazzjonali għall-Isport ta’ Malta. Hemmhekk hi għamlet ħames snin sekondarja. Kienet l-unika studenta bi bżonnijiet speċjali li daħlet f’din l-iskola.

“Inweġġa’ meta jitrattawni b’mod differenti”

Mistoqsija kif tħossha meta jkun hemm min forsi jitrattaha differenti minħabba n-nuqqas ta’ smigħ, Annemarie qalet li tħossha skomda u mweġġgħa. Spjegat li wara hi tipprova ssib modi kif turihom li żbaljaw.

Magħżula għall-proġett fotografiku tas-CRPD

Annemarie hija waħda mill-persuni li pparteċipaw fi proġett fotografiku tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) bl-isem ta’ Different is Normal. Is-CRPD kkummissjonat serje ta’ 12-il ritratt ta’ dawn il-persuni li għandhom diżabilitajiet differenti fosthom spina bifida, problemi bis-smigħ u l-vista tal-għajnejn, ADHD, awtiżmu u down syndrome. Huma qed jagħmlu numru ta’ attivitajiet differenti, bħat-teatru, żfin, logħob, bowling, għawn, fost oħrajn. Ir-ritratti ttieħdu mill-fotografu Darren Zammit Lupi u flimkien jirrappreżentaw l-aspirazzjonijiet ta’ dawn il-persuni.

Mistoqsija xi tfisser għaliha li ntgħażlet għal dan il-proġett, Annemarie spjegat li ma hemm xejn isbaħ mill-pożittività u li tagħmel kuraġġ lil ħaddieħor. Qalet li aċċettat li tkun parti sabiex turi li hi kapaċi avolja għandha diżabilità u biex kull min jaraha ma jaqtax qalbu u jemmen li jista’ jasal ukoll.