Sfida ta’ 10 kilometri għal Michelle Muscat

Hekk kif kull sena l-mara tal-Prim Ministru, Michelle Muscat, twettaq sfida atletika b'rizq il-karita, din is-sena l-isfida tagħha se tkun waħda ikbar. HIja qed tippjana li tgħum minn Fra Ben f’San Pawl il-Baħar għall-Port ta’ Marsamxett.
Michelle Muscat ilha għal dawn l-aħħar tliet snin tagħmel din l-għuma li matulha jinġabru fondi għall-Fondazzjoni Marigold.
Permezz tal-fondi li se jinġabru, il-Fondazzjoni Marigold se tkun qed tgħin lill-atleti tal-Ispecial Olympics li qed jippreparaw biex jieħdu sehem fil-Logħob li se jsiru f’Abu Dhabi.
Anna Calleja, id-Direttur Nazzjonali tal-Ispecial Olympics, kif ukoll il-coach ta’ Michelle Muscat, qalet li ilhom jippreparaw għal din l-għuma kważi sena.
Bħala parti mit-taħriġ, Michelle Muscat diġà qasmet darbtejn minn Fra Ben għal Marsamxett. Id-distanza hija ta’ 10 kilometri.
L-għuma se ssir nhar is-Sibt 22 ta’ Lulju u mistennija tieħu madwar 6 sigħat.
Michelle Muscat ħadet l-opportunità biex tiddeskrivi s-sbuħija tal-kosta Maltija, kif tidher waqt li tkun qed tgħum, u ħeġġet lil kulħadd biex jibża’ għaliha u jżomm il-baħar nadif.