Sfida Bird Box: Taħbat għax issuq b’għajnejha mgħottija

L-isfida tal-film Bird Box waslet f’punt perikoluż tant li żagħżugħa saqet mgħammda u ħabtet peress li daħlet fil-karreġġjata l-ħażina f’Utah fl-Istati Uniti.

Iż-żagħżugħa Amerikana ta’ 17-il sena ppruvat timita lill-karattri tal-film Bird Box ta’ Sandra Bullock, li fih, il-karattri jkollhom jgħattu għajnejhom biex ma jsirux ilsiera ta’ ħlejjaq supernaturali li jġegħluhom jagħmlu suwiċidju.

Il-film, li kiseb ħafna popolarità f’dawn l-aħħar xhur li ilu fuq Netflix, ispira lil bosta nies biex jagħmlu l-famuża sfida ta’ Bird Box – li jagħmlu l-affarijiet waqt li jkollhom għajnejhom mgħottija.

Netflix twissi dwar il-periklu tal-Bird Box Challenge

Din iż-żagħżugħa fettillha timita x-xena ta’ meta l-karattri fil-film jippruvaw isuqu sal-ħanut b’għajnejhom mgħottija. L-isfida ma rnexxietx peress li ħabtet, iżda fortunatament ma sofriet l-ebda ġrieħi.