Sewwieqa tal-Go Karts Maltin jiddominaw fi Sqallija

Fir-raba’ rawnd tal-kampjonat reġjonali ta’ Sqallija li sar fi tmiem il-Ġimgħa li għadda, fiċ-ċirkwit Internazzjonali Triscina, il-Maltin ikkompetew f’diversi klassijiet, 125 Rotax Max, 60 Mini Rok, 60 Entry Level.
Fil-klassi 125 Rotax rajna taqtieha għall-ewwel post bejn żewġ sewwieqa Maltin, Jake Agius u Nicky Gauci.
Fis-semifinali rajna lil Gauci fuq quddiem tul it-tellieqa kollha meta Agius issupera lil Gauci f’waħda mill-aħħar kantunieri.
Fil-finali Gauci beda fit-tieni post iżda akkwista l-ewwel pożizzjoni immedjatament, b’Agius ikollu inċident sfortunat u jispiċċa fl-aħħar pożizzjoni.
L-esperjenza u l-abbilità ta’ Agius kienet utli immens għax irnexxilu jissupera tliet sewwieqa Taljani u b’hekk spiċċa it-tellieqa fit-tielet post wara Luke Muscat u l-istess Gauci.
Is-sewwieqa kollha spiċċaw l-għaxar dawriet, bl-aħjar ħin ikun dak ta’ Jake Agius, 50.045 sekonda, Nicky Gauci 50.203 sekonda u Luke Muscat 50.516 sekonda.
Fit-tieni post tal-klassi 60 Mini Rok sibna lill-Kieran Galea filwaqt illi fir-raba post tal-klassi 60 Entry Level sibna lill-Kayden Bonnici.