Sewwieqa maħsuda b’ċitazzjoni avolja kienu pparkjati sew

Jista’ jkollok il-karozza pparkjata kif suppost u xorta tlaqqat ċitazzjoni.
Qarrej ta’ Newsbook.com.mt ilbieraħ filgħaxija ħa qatgħa hekk kif sab ċitazzjoni mwaħħla mal-windscreen.
Madanakollu spjega li kif ħares lejn id-dettalji nduna li kienet finta.
Jidher li dawn iċ-'ċitazzjonijiet' saru mill-Partit Nazzjonalista bħala parti mill-kampanja ta’ pressjoni fuq il-Gvern biex ibaxxi l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.
Fuq iċ-'ċitazzjoni', ir-Reġjun għandu l-isem ‘Tagħna Lkoll’, isem u kunjom ‘inti’, u l-kontravenzjoni ‘ħlas żejjed fuq petrol u diesel’. Il-post tal-kontravenzjoni hu ‘Triq il-Pompi’ f’’Malta u Għawdex’, fi 24/7 bħala data u ħin.
Għall-multa, iċ-'ċitazzjoni' tirreferik għas-sit www.dieselupetrol.com filwaqt li l-firma tal-gwardjan hija JM, għall-inizjali tal-Prim Ministru.
Fin-naħa t’isfel taċ-'ċitazzjoni' hemm spjegazzjoni tal-penali li fost l-oħrajn tgħid li min irċieva ċ-'ċitazzjoni' qed iħallas il-penali mingħajr m’għandu ħtija, kull darba li jagħti d-diesel jew petrol lill-vettura. Tgħid ukoll li din il-penali ma tistax tiġi kkontestata u wieħed ikollu jħallasha jrid u ma jridx.