Aġġornata(2): 2 sewwieqa ta’ muturi l-isptar wara inċidenti f’Ħal Luqa

Żewġ sewwieqa ta’ muturi ttieħdu l-isptar wara li kienu involuti f’inċidenti separati f’Ħal Luqa.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliema għall-Pulizija. L-ewwel każ seħħ fis-7.25pm fi Triq il-Belt Valletta. Hawnhekk is-sewwieq tal-mutur li għandu 43 sena u miż-Żurrieq baqa’ dieħel f’karozza pparkjata. Hu ndarab gravi.

Intant, fit-tieni inċident seħħ ftit tal-minuti wara, fis-7.30pm, fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa, kantuniera ma’ Vjal l-Avjazzjoni. Hawnhekk mutur li kien qed jinstaq minn raġel ta’ 46 sena mir-Renju Unit u residenti San Pawl il-Baħar ħabat f’karozza misjuqa minn raġel ta’ 23 sena mill-Ħamrun. Il-kundizzjoni tas-sewwieq tal-mutur għadha mhux magħrufa, filwaqt li x-xufier tal-karozza ma sofra l-ebda ġrieħi.

Is-sewwieqa tal-mutur ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.