Sewwieq perikoluż jeħel sena u nofs ħabs

Sewwieq ta’ trakk li l-Qorti sejħitlu “raġel perikoluż” ingħata sentenza ta’ sena u nofs ħabs wara li nstab ħati li saq b’mod perikoluż.

Ir-raġel ta’ 57 sena minn Ħal Qormi għandu każijiet li jmorru lura 23 sena, fosthom numru ta’ akkużi relatati ma’ ksur tar-regolamenti tat-traffiku.

Il-Maġistrat Simone Grech sabitu ħati ta’ numru ta’ akkużi, fosthom li saq trakk mingħajr liċenzja, li saq b’veloċità eċċessiva u b’mod perikoluż, li ta dettalji foloz lill-pulizija, li għamel ħsara lill-propjetà ta’ terzi persuni, li ma waqafx meta kien hemm inċident u li kiser il-paċi pubblika.

Huwa ġie pprojbit milli jsuq għal sentejn wara li skonta sentenza l-ħabs. Il-Qorti kkonfiskatlu t-trakk li kien qed isuq meta wettaq ir-reati.

Il-Qormi għandu żewġ sentenzi sospiżi u hu magħruf mal-pulizija. Fl-2017 kienu xxerrdu filmati tiegħu jsuq b’mod perikoluż ħafna, u kontinwament jikser ir-regoli tat-traffiku, billi pereżempju jsuq fil-karreġġjata l-ħażina.