Sewwieq perikoluż b’żewġ sentenzi sospiżi; jinżamm arrestat

Sewwieq ta’ trakk li tressaq il-Qorti bi 11-il akkuża nżamm arrestat fuq talba tal-prosekuzzjoni ġaladarba l-akkużat diġà għandu żewġ sentenzi ta’ ħabs sospiżi fl-istess perjodu.
Sorsi infurmati sewwa spjegaw ma’ Newsbook.com.mt li huwa illegali li akkużat ikun qed jiskonta żewġ sentenzi sospiżi fl-istess żmien.
Tliet filmati ta’ dan is-sewwieq, li saq it-trakk b’mod irresponsabbli għall-aħħar, bdew iduru fuq il-midja soċjali, bil-prosekuzzjoni tisħaq li seta’ faċilment qatel lil xi ħadd.
L-akkużat, li hu magħruf sew mal-Pulizija, qed ikun akkużat ukoll li saq mingħajr liċenzja jew polza ta’ assigurazzjoni u dakinhar li twaqqaf mill-Pulizija sabu liċenzja ta’ mutur mwaħħla mal-windscreen tat-trakk. Iżda l-akkużat lanqas ma għandu liċenzja biex isuq mutur.
Fil-Qorti ntwerew għadd ta’ filmati li juru s-sewqan perikoluż tiegħu.
L-Ispettur Sergio Pisani qal fil-Qorti li l-akkużat ma għandu l-ebda rispett lejn l-Awtorità u li ma ridx jikkopera mal-Pulizija tant li ma ridx jagħtihom l-indirizz tiegħu.
Meta l-Pulizija marru jiċċekkjaw l-indirizz li l-akkużat għandu fuq il-karta tal-identità, sabu li fir-residenza ma joqgħod ħadd mill-familjari tiegħu.
Iżda, l-avukat tad-difiża saħaq li l-Pulizija f’Ħal Qormi kienu jafu x’inhu l-indirizz veru tiegħu ġaladarba hu kien immur jiffirma fl-għassa fil-passat.
L-istess avukat insista li xi kultant faċli wieħed jippunta subajgħ iżda ma jindunax li hu stess jagħmel żball. Saħaq li min ħa l-filmat tal-akkużat żbalja għax uża l-mowbajl waqt li kien qed isuq.
Min-naħa tiegħu, l-akkużat wieġeb mhux ħati għalkemm sorsi qalu ma' Newsbook.com.mt li fl-istqarrija tiegħu lill-Pulizija ammetta li saq mutur mingħajr liċenzja valida u polza tal-assikurazzjoni.
L-avukat tad-difiża talab għall-ħelsien mill-arrest għax fi kliemu ma hemm l-ebda biża’ li dan jista’ jerġa’ jsuq ġaladarba t-trakk ġie kkonfiskat.
Iżda l-Maġistrart Monica Vella ma laqgħetx it-talba tad-difiża.