Sewqan tifel taħt l-età: Jitolbu li jitwaqqfu proċeduri kontra 4 pulizija

Inbdiet petizzjoni onlajn li qed titlob lill-awtoritajiet Maltin biex jitwaqqfu l-proċeduri kriminali kontra erba’ uffiċjali tal-Pulizija li waqqfu tifel ta’ 12-il sena milli jsuq.
Il-petizzjoni tnediet mill-Police Officers’ Union (POU) fi ħdan il-General Workers’ Union u fl-ewwel 12-il siegħa kienu diġà nġabru 1,465 firma.
Il-każ imur lura għal Novembru li għadda meta l-erba’ pulizija tal-RIU waqqfu tifel ta’ 12-il sena waqt li kien qed isuq karozza BMW. Dakinhar omm it-tifel allegat li binha ssawwat mill-pulizija, madanakollu fuq il-post qalet li ma kinitx se tieħu passi.
F’April li ġej dawn l-uffiċjali se jitressqu l-Qorti, bil-President tal-POU l-Ispettur Sandro Camilleri jiddeskrivi s-sitwazzjoni bħala “storja li titwemminx."
Ma’ Newsbook.com.mt, l-Ispettur Camilleri qal li “bniedem li jgħid li ġie msawwat, ma jerġax joħroġ tlett ijiem wara u jagħmel l-istess storja.” 
Saħaq li kien hemm rapporti ripetuti dwar it-tifel, fosthom li jmur l-iskola b’karozza u li jkun hemm xi ħadd riekeb miegħu u jibdlu l-post meta jkunu se jinqabdu. It-tifel qed jiġi investigat ukoll fuq materji oħra.
Semma li kif ħarġet l-aħbar li l-Pulizija se jitressqu l-Qorti, bi sfida t-tifel kiteb fuq Facebook, “Ma taqbduni qatt.”
L-Ispettur Sandro Camilleri saħaq li l-biża’ tal-pulizija hi li se jispiċċaw joqogħdu lura u ma jaġixxux, għax qed imorru jaħdmu u jispiċċaw b’xogħolhom mhedded.
“Spiċċajna agħar minn scouts, m’aħna emmnuti f’xejn. Jekk mhux emmnuti aħna b’xhieda ta’ 4 pulizija, wasalna fil-qiegħ,” żied jgħid.
Tenna x-xewqa tiegħu li l-uffiċjali jkollhom body cam.
Semma wkoll it-tibdil fil-liġi u qal li sa ftit ilu l-età tal-minuri li ma setgħux jinstabu ħatja kienet ta’ 9 snin, u issa telgħet għal 14-il sena.  Żied jgħid li kienet deċiżjoni assurda għax la għamluha pajjiżi oħra ma jfissirx li għandna nagħmluha aħna wkoll.