Sewqan eċċessiv: Kif tkun taf hemmx pulizija?

S’issa kull meta ntużaw speed guns mill-Pulizija f’Malta dejjem kien hemm tabelli indikattivi skont il-Pulizija.

Fl-aħħar ġimgħat dehru rapport fil-midja lokali dwar il-proġett tal-ispeed guns tal-Pulizija. Kelliem għall-Korp qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Pulizija investiet f’numru ta’ mobile speed monitoring devices li jużaw l-aħħar teknoloġija.

“Kull meta ntuzaw mill-Pulizija kien hemm tabelli indikattivi.  Dan mhux għaliex hemm bżonn legali, peress illi l-liġi ma tobbligax lill-Pulizija biex tagħmel dan, imma b’rispett għall-principju tal-ġustizzja” qal il-kelliem.

Il-kelliem ma qalx kemm inxtraw speed guns peress li l-mistoqsija kienet “waħda ta’ natura tattika”. Qal li dawn jintużaw “kif jirrikjedi l-bżonn.”

Skont il-kelliem, l-investiment sar biex jiġi eliminat wieħed mill-ħames fatturi qattiela fit-toroq Ewropej, kif identifikati mill-Kummissjoni Ewropea.  “Dan sabiex jitnaqqsu l-ammont ta’ ġriehi u imwiet fit-toroq Maltin.” Il-proġett huwa bbażat fuq studji internazzjonali.

Il-Pulizija kif taħseb li l-ispeed guns se jgħinu lis-sigurtà fit-toroq?

Il-kelliem qal ma’ Newsbook.com.mt li stħarriġ juri li speed cameras fissi huma effettivi biex jikkontrollaw sewqan b’veloċità eċċessiva. Żied jgħid li hemm evidenza li turi li speed guns mobbli jgħinu fl-infurzar għax iservu ta’ deterrent, speċjalment meta jsiru għall-għarrieda. Il-Pulizija temmen li jekk jonqos is-sewqan b’veloċità eċċessiva, jonqsu l-inċidenti serji fit-toroq.