Sett bolol se jfakkar l-400 anniversarju tal-Parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar

Il-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja f'Ħaż-Żabbar iktar tard matul dan ix-xahar tiċċelebra l-400 sena mit-twaqqif tagħha.
Kien fl-10 ta’ Jannar 1616, meta l-parroċċa ta' Ħaż-Żabbar inqatgħet mill-Parroċċa ta' Santa Katarina taż-Żejtun.
Dakinhar il-parroċċa taż-Żejtun ingħatat it-titlu ta' Matriċi hekk kif dik ta' Ħaż-Żabbar kienet l-ewwel parroċċa li ħarġet miż-Żejtun.
Għal din l-okkażjoni l-Grupp Filateliku taż-Żejtun, fi ħdan il-Kunsill Lokali tal-istess lokalità, u l-Parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar ingħaqdu flimkien biex ifakkru dan l-anniversarju għaż-żewġ komunitajiet b’xogħol filateliku.
Nhar is-Sibt li ġej, 9 ta’ Jannar, se jkunu qed joħorġu 2 bolol personalizzati, 2 kartolini postali u envelop għall-okkażjoni b’għadd limitat.
Dawn se jkunu jistgħu jinxtraw esklussivament mid-9 ta’ Jannar ‘il quddiem, mill-uffiċċju tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun jew mill-Mużew tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar.