Sessjoni ta’ taħriġ għat-tfal ma’ Javier Zanetti

L-eksplejer leġġenda ta' Inter u tat-tim nazzjonali Arġentin, Javier Zanetti se jkun Malta għal sessjoni ta' taħriġ mat-tfal subien u bniet bejn il-ħames snin u l-ħmistax-il sena fil-15 ta' Frar li ġej.
Is-sessjoni ta' taħriġ se ssir fil-grawnds ta' Żebbuġ Rangers FC Youth Nursery bil-kollaborazzjoni tal-istess Youth Nursery, il-Fondazzjoni PUPI Malta u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Paul Fenech mill-Fondazzjoni PUPI Malta tkellem dwar il-Fondazzjoni u r-relazzjoni tajba li Javier Zanetti rnexxilu jikseb f’Malta f’dawn l-aħħar snin.
Iċ-Ċermen tal-Awtrorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia faħħar il-ħidma ta’ Zanetti bħala wieħed mill-Ambaxxaturi Ewlenin tat-Turiżmu waqt li d-Direttur Tekniku tan-Nursery ta' Żebbuġ Rangers, Franco Agius ta aktar dettalji dwar l-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment.
Kull parteċipant hu mitlub iħallas donazzjoni ta' €30 li se tmur direttament għall-Fondazzjoni PUPI. Minbarra sagħtejn taħriġ, it-tfal se jingħataw flokk kommemorattiv, ċertifikat ta’ parteċipazzjoni ffirmat minn Javier Zanetti nnifsu, ritratt tal-okkażjoni u xi rigali promozzjonali.
Dawk interessati għandhom jagħmlu kuntatt man-Nursery ta' Żebbuġ Rangers.